Sport Waterpolo

Jamie Gambin – sab bilanċ bejn l-istudju u l-isport fl-Istati Uniti u din is-sena lagħab fis-Serie A2 fl-Italja

Rapport: Stewart Said

L-istaġun 2020/21 kien diffiċli għall-isport Malti minħabba li l-pandemija tal-Covid-19 baqgħet tippersisti. Iktar diffiċli kienet għal Jamie Gambin hekk kif f’Jannar li għadda kien beda esperjenza mal-klabb tas-Serie A2 SC Tuscolano Pallanuoto u kellu ċ-ċans jitħarreġ mat-tim tas-Serie A1 SS Lazio Nuoto.

L-Italja kienet fost l-aktar pajjiżi milquta mill-pandemija u dan wassal biex il-kampjonati tal-waterpolo fil-pajjiż ukoll ħa daqqa ta’ ħarta. Gambin flimkien mal-plejers Taljani kellhom jesperjenzaw ħinijiet ristretti fl-użu tal-pixxini u l-gyms. F’dawn ix-xhur li lagħab fl-Italja, Gambin sab ix-xibka seba’ darbiet u għen lil Tuscolano jsalvaw posthom fis-Serie A2, fi staġun li kellu format differenti minn tas-soltu. Il-kampjonat kien maqsum skont il-lokalitajiet minħabba r-restrizzjonijiet fil-vjaġġi minn reġjun għal ieħor, imbagħad jintlagħbu l-play-off u l-play-out.

(Ritratt: Martin Agius)

Minbarra l-esperjenza pożittiva għalih, Gambin hu xhieda ħajja ta’ atleta li ma traskurax l-istudji tiegħi biex jilgħab sport, iżda sab bilanċ bejn it-tnejn. Fl-aħħar xhur tas-sena l-oħra, Gambin temm b’suċċess l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Lindenwood fl-Istati Uniti u llum hu gradwat fix-Xjenza Bioloġika. Din l-esperjenza kienet possibbli grazzi għall-Iskema Maltija ta’ Borża ta’ Studju fl-Isport.

F’dawk is-snin, Gambin kellu ċ-ċans li jilgħab il-waterpolo mat-tim tal-Università u l-esperjenza ta’ din is-sena f’Ruma, tkompli tkabbar il-profil tiegħu hekk kif fl-2016, Gambin lagħab ukoll fil-kapitali Ungeriża Budapest, b’self ma’ OSC-Ujbuda.

Mat-tim nazzjonali, Gambin ifforma parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena li lagħab fil-fażi finali tal-ewwel edizzjoni tal-Logħob Ewropew f’Baku fl-2015 filwaqt li kien anki utilizzat f’xi tournaments tat-tim nazzjonali mill-kowċ Karl Izzo.