Futbol Sport

Partitarji fl-Ingilterra mhux se jitħallew jidħlu f’avvenimenti sportivi jekk ma jkunux ħadu l-vaċċin

Il-Gvern Ingliż jinsab f’taħdiet mal-Premier League fost għaqdiet sportivi oħra, sabiex persuni li ma ħadux il-vaċċin kontra l-Covid-19 ma jitħallewx jidħlu f’avvenimenti sportivi. Il-Gvern Ingliż issuġerixxa li dawn il-miżuri jsitgħu jkunu ta’ inċentiv sabiex il-pubbliku jitlaqqam kontra l-Covid-19.

Il-partiti mill-Premier League Ingliż kif ukoll miċ-Championship mistennija jilqgħu partitarji li ħadu ż-żewġ dożi tal-vaġġin minn Ottubru li ġej, bil-Gvern Ingliż mistenni jimplimenta din il-miżura sabiex inaqqas il-firxa tal-Covid-19 f’dawn l-avvenimenti sportivi.

L-istess miżura mistennija tkun introdotta wkoll għall-avvenimenti oħra li se jospitaw aktar minn 20,000 persuna. In-numru ta’ persuni li jistgħu jattendu avvenimenti mhux bilqegħda, se jkun dak ta’ 5,000. Dawn il-miżuri mistennija jittieħdu hekk kif il-każijiet tal-Covid-19 raw żieda sostanjali fl-aħħar ġimgħat, hekk kif bosta restrizzjonijiet tneħħew mid-19 ta’ Lulju.