Lokali

Peter Agius se jkun il-Kelliem Ewlieni tal-PN

Peter Agius se jkun il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista u Koordinatur tal-Messaġġ Politiku tal-Partit biex il-Partit jilħaq setturi u votanti ġodda.

Kien hu stess li ħabbar dan fuq Facebook, fejn spjega li hu wieġeb għat-talba li għamillu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Hu qal li, fid-dawl tal-isfidi elettorali li bħalissa qed jiffaċċja l-Partit Nazzjonalista, kulħadd għandu jxammar il-kmiem u jagħti daqqa ta’ id.

B’din il-kariga, Peter Agius, li sentejn ilu kien ukoll Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, b’hekk ingħaqad mat-tim tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Dan bħala parti mill-proċess ta’ tiġdid li għaddej minnu l-Partit.

Fuq Facebook, Peter Agius kiteb li biex l-affarijiet f’pajjiżna jinbidlu għall-aħjar, hu importanti li kulħadd jgħin lill-Partit Nazzjonalista. Qal li se jkun qed jara li dawk l-affarijiet li ma jintgħoġbux jitbiddlu ħalli l-Partit jasal aktar għand in-nies.