Internazzjonali

Afganistan: Jikber l-inkwiet tal-Gvern dwar l-avvanzi tat-Taliban

epa03034552 A picture made available on 15 December 2011 shows masked Pakistani Taliban militants during exercises in lawless Pakistan-Afghanistan border area of Laddah in South Wazirsitan tribal agency, Pakistan, 11 December 2011. Reports state that Pakistan is under intense pressure to eliminate sanctuaries of Taliban and al-Qaeda fighters in its tribal region, as militants respond by intensifying attacks on security and government installations across the country. EPA/SAOOD REHMAN *** Local Caption *** 50145941

Il-Gvern tal-Afganistan qed jieħu dejjem aktar miżuri ddisprati biex jostakola l-avvanzi tal-militanti Iżlamiċi tat-Taliban – u meta maħsub li l-militanti, sallum, irnexxielhom jaħtfu l-kontroll fi kważi nofs it-territorju tal-pajjiż.

Intant, il-Gvern Afgan impona curfew ta’ xahar madwar il-parti kbira tal-pajjiż bil-ħsieb li t-Talibani ma jkunux jistgħu jinvadu numru ta’ bliet prinċipali.

Fil-preżent – ħlief fil-każ tal-kapitali Kabul u ż-żewġ provinċji ta’ Panjshir u Nangarhar — mhumiex qed ikunu permessi movimenti għan-nies minn filgħaxija sa kmieni filgħodu. Dan meta l-ġlied bejn it-Talibani u l-qawwiet tal-Gvern żdied fl-aħħar xahrejn u fi żmien meta t-truppi tal-koalizzjoni internazzjonali qegħdin jirtiraw mill-Afganistan.

It-Talibani malajr ħadu vantaġġ mill-irtirar tat-truppi Amerikani u oħrajn barranin biex ħatfu mill-ġdid il-kontroll qalb iz-zoni tal-fruntiera waqt li okkupaw diversi territorji rurali. Intant, hemm l-inkwiet li l-militanti se jibdew jikkonċentraw aktar fuq iċ-ċentri urbani tal-pajjiż fejn hemm popolazzjoni mdaqqsa.

Fl-istess ħin, il-militanti fundamentalisti qed iżidu s-saħħa fil-pajjiż kważi 20 sena mindu l-qawwiet Amerikani invadew l-Afganistan u qaċċtu lill-eks reġim Talibani mill-poter.

Intant, il-ġellieda tat-Taliban fl-aħħar jiem kienu qed javvanzaw fuq numru ta’ bliet importanti iżda s’issa ma rnexxilhomx jaħtfu l-kontroll ta’ wieħed minnhom.

Il-Ministeru tal-Intern f’Kabul issa qal li l-curfew l-ġdid hu meħtieġ ‘biex il-vjolenza tkun ikkontrollata aħjar’ u biex ‘il-Gvern jillimita kemm jista’ il-movimenti tat-Talibani’ – b’Kabul u l-imsemmija provinċji biss jibqgħu eżenti.

Filwaqt li t-Talibani qed ikomplu bl-avvanzi, fl-aħħar jiem kien hemm ukoll il-battalji  feroċi bejn il-militanti u t-truppi tal-Gvern Afgan barra l-belt ta’Kandahar.

Fil-fatt, il-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti attakkaw lill-militanti f’dik iz-zona iżda l-awtoritajiet f’Kabul, illum, huma ħafna aktar inkwetati dwar ix-xhur li ġejjin u ġaladarba l-missjoni militari tal-Amerikani fl-Afganistan tintemm uffiċjalment fil-31 ta’ Awwissu.