Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li minkejja l-isfidi kollha li l-familji Maltin u Għawdxin ħabtu wiċċhom magħhom fl-ahhar xhur – bi qlubija kbira u dedikazzjoni ta’ min jammira jinħass ġmielu s-sens qawwi ta’ entużjażmu u ħidma fil-każini u l-għaqdiet lokali.
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta l-Ħadd filgħaxija żar il-lokalitajiet ta’ Raħal Ġdid, iż-Żurrieq u Ħaż-Żebbuġ għall-festi ta’ Kristu Re, il-Madonna tal-Karmnu u u San Ġużepp rispettivament.
Akkumpanjat minn deputati Nazzjonalisti, kandidati u kunsillieri lokali, f’Raħal Ġdid il-Kap tal-PN intlaqa’ minn għadd ta’ għaqdiet tal-festi u sab anki ħin biex jitkellem u jiltaqa’ man-nies ta’ Raħal Ġdid.
Fiż-Żurrieq Bernard Grech żar il-każini tal-banda, tal-futbol u anke tal-Partit Nazzjonalista fejn seta’ jifhem aħjar il-komunità ħajja ta’ din il-lokalità u l-isfidi li l-għaqdiet f’dan ir-raħal qed jaffaċjaw.
F’Ħaż-Żebbuġ ukoll ltaqa’ ma’ bosta Żebbuġin, żar l-għaqdiet rispettivi tal-festa inkluż il-Każin ta’ San Ġużepp li kien qed jiċċelebra l-festa, u żar ukoll il-Każin tal-PN tal-lokal.
Tul iż-żjarat Bernard Grech insista dwar l-importanza tal-għaqda u tal-valuri li jsawwruna bħala soċjetà. Huwa spjega li t-tradizzonijiet u l-wirt kulturali li ħallew missirjietna għandna nħarsuh daqs l-isbaħ teżor filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jaħdmu sabiex dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jibqgħu fuq saqajhom.
Matul dawn iż-żjarat il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa ma’ diversi residenti li laqgħuh fi djarhom u tkellmu miegħu.
//= $special ?>