Lokali

“Eżempju ieħor tal-inkompetenza tal-Gvern”

Dan hu eżempju ieħor tal-inkompetenza bla limitu ta’ Gvern immexxi biss mill-propaganda. Din id-darba l-vittmi huma pazjenti tal-kanċer li għadhom qed jistennew €7 miljuni mwiegħda għal trattamenti. U issa se jkollhom jużaw flus li aħna bħala poplu tajna għall-Istrina sabiex jippruvaw jirkupraw dawn il-fondi.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien qed jikkummenta fuq il-media soċjali dwar l-istorja ppubblikata dalgħodu mit-Times, fejn ġie żvelat li kien hemm miljuni imwiegħda lill-Community Chest Fund illi qatt ma ingħataw.

Il-pledges kienu sar fl-Istrina tal-2018 mill-Blockchain Charity Foundation, li ġie imwaqqfa mill-kumpanija Binance. Fil-verità, Binance qatt ma kienet ġabet liċenzja biex topera f’Malta, filwaqt li Fondazzjoni ġiet likwidata.

B’rabta ma’ dan, il-Kap tal-PN għamel numru ta’ domandi: Fejn hu Silvio Schembri issa? Fejn hu Joseph Muscat? Dan kien xi kuntratt imħejji minn Robert Abela meta kien konsulent legali tal-Kabinett? X’ser jagħmel issa dwar dan?

“Li pajjiżna jsir Blockchain Island setgħet saret realtà iżda minħabba l-inkompetenza u l-korruzzjoni tiegħu, dan il-Gvern dawwarha f’diżastru ieħor. U dan anki billi nqeda b’pazjenti morda bil-kanċer sabiex taparsi jurina li kien hemm xi ħaġa li minnha kien ser jibbenefika ċ-ċittadin Malti”, stqarr Bernard Grech.