Coronavirus Lokali Saħħa

F’xahar biss f’Malta żdidna minn 25 każ attiv ta’ Covid-19 għal 2,500 każ

F’temp ta’ xahar, minn 25 każ attiv ta’ Covid-19 tlajna għal 2,500 każ. U fi kliem il-Ministru tas-Sahha Chris Fearne, il-varjant Delta kien il-kawża ta’ din il-mewġa kbira.

Meta kien qed iwieġeb domandi tat-Times dwar kif Malta issa tinsab bejn il-hames u s-sitt post fuq il-lista tal-ECDC, Fearne evita milli jwieġeb direttament għal mistoqsija…. u qal li d-differenza bejn Malta u pajjiżi oħra hi li f’Malta il-maġġor parti tal-popolazzjoni hija mlaqqma. B’hekk, s’issa, m’hemmx ammonti kbar ta’ pazjenti rekoverati l-isptar.

Għalkemm id-Deputat Prim Ministru naqas milli jsemmi li sa xahar ilu ma kellna lil ħadd l-isptar.

Rigward is-sitwazzjoni tal-istudenti tal-Ingliz li iddaħħlu Malta b’test negattiv tal-PCR biss, il-Ministru ammetta li ma kienetx deċiżjoni għaqlija li dawn l-istudenti ma kienux imlaqqma u ġew pajjizna.

Meta kien qed iwieġeb jekk hemmx il-ħsieb li biex wieħed jidħol f’restorant hux ser jiġi mitlub ċertifikat tal-vaċċin, bħal ma qed isseħħ fi Franza u l-Italja, il-Ministru qal li jekk ma jkunx hemm l-ebda konnesjoni bejn in-numru ta’ każijiet fil-komunita u dawk tal-isptar, ma jarax li din il-miżura tidhol fis-seħħ – anzi, żied jgħid li qed jittama li r-restrizzjonijiet ikomplu jitnaqqsu.

Ċifri imħabbra mill-ECDC juru li għalkemm hemm rati għoljin ta’ tilqim fil-gruppi kollha, fost dawk bejn il-25 u l-49 sena għadhom baxxi. Mat-Times, il-Ministru wieġeb li jistenna li ċ-ċifri f’dan il-grupp ta’ etajiet jiżdiedu fil-ġimgħat li ġejjin…iżda ma qalx kif se jsehh dan.

Mistoqsi jekk nerġawx niġu lura għall-ħajja bħal ma kollna qabel il-Covid-19, Fearne wieġeb li għalkemm ma jkunx hawn restrizzjonijiet, jekk ikun hemm varjant li l-vaċċin ma jkunx kompatibbli għalih ikun hemm bżonn li jittieħed booster għal dak it-tip ta’ varjant.

F’Mejju meta ilhaqna is-70% ta’ tilqim, il-Ministru kien ħabbar li Malta lehqet il-‘Herd Immunity’… imma minn dak iż-żmien l’hawn ma ssemma’ xejn aktar. Il-Ministru wieġeb li issa il-persentaġġ irid ikun dak ta’ 85% biex Malta tilħaq il-‘Herd Immunity’.