Iċ-Ċina wissiet lill-Istati Uniti biex ma tkomplix tpittirha ‘fl-agħar dawl possibbli’ għall-għajnejn tad-dinja – u meta fl-aħħar sigħat seħħew l-aktar taħditiet bilaterali ta’ livell għoli kemm ilu li Joe Biden rebaħ il-Presidenza Amerikana.
Il-Viċi-Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, Xie Feng, qal li r-relazzjonijiet bilaterali spiċċaw ‘staġnati’ għaliex, skont hu, l-Istati Uniti qed tħares lejn iċ-Ċina bħala ‘avversarju li jeżisti biss fl-immaġinazzjoni tagħha’.
Xie Feng, fl-aħħar sigħat, kellu t-taħditiet mal-Viċi-Segretarju tal-Istat, Wendy Sherman, li hi l-aktar uffiċjal influwenti tal-Istati Uniti li qatt żaret liċ-Ċina fl-aħħar xhur.
Intant, il-President Biden qed jieħu atteġġjament iebes fir-rigward taċ-Ċina – b’mod partikulari rigward issues bħad-drittijiet umani u s-sanzjonijiet.
Min-naħa tiegħu, Xie qal li l-Istati Uniti trid ‘twaħħal fiċ-Ċina għall-problemi strutturali tagħha’. Hu kompla li l-Amerikani ‘qed jaħsbu li pajjiżhom jista’ jikseb lura s-saħħa li kellu f’każ li jirnexxilhom iwaqqfu l-iżvilupp taċ-Ċiniżi’.
Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan qal, intant, li qed jittama li ‘iwassal il-messaġġ partikulari’ liċ-Ċina bil-għan li javvanza l-interessi tal-Istati Uniti. Dan meta l-Istati Uniti qed taħseb biex ‘titratta r-relazzjoni ma’ Beijing b’mod responsabbli’.
Wendy Sherman damet jumejn fil-belt tal-port ta’ Tianjin, biż-żjara tagħha tintemm proprju llum. Intant, iż-żjara qed titqies bħala pass preparatorju għal laqgħa eventwali bejn il-President Biden u l-President taċ-Ċina Xi Jinping, u meta t-tensjoni bejn Washington u Beijing, illum, laħqet l-ogħla livell għal snin sħaħ.
//= $special ?>