Lokali Qorti

Il-Periti jitolbu n-nullitá tal-proċeduri wara l-appell li ressaq l-AĠ mis-sentenza dwar il-qtil ta’ Miriam Pace

Wara li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza fil-konfront taż-żewġ Periti li nstabu ħatja bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace, l-istess Periti appellaw ukoll mis-sentenza fejn qegħdin jikkontendu li l-każ għandu jiġi ddikjarat null u bla effett minħabba li twettqu xi rregolaritajiet fil-proċess. Għaldaqstant huma qegħdin jitolbu għall-ħelsien minn kull ħtija assojata magħhom.

Kien fl-1 ta’ Lulju li għadda, li l-Periti Roderick Camilleri ta’ 37 sena u Anthony Mangion ta’ 73 sena instabu ħatja tal-qtil involontarju ta’ Miriam Pace meta fit-2 ta’ Marzu tal-2020, ix-xogħolijiet ta’ tħaffir biswit ir-residenza tal-familja Pace fil-Ħamrun wassal għall-kollass tar-residenza li ħalla lill-mara ta’ 55 sena mejta f’darha stess.

Huma ngħataw piena ta’ 880 ta’ xogħol fil-komunita’ u multa ta’ €18,000 bejniethom, f’sentenza li hija fil-parametri tal-liġi. L-Avukat Ġenerali qed jisħaq li s-sentenza fil-konfront tal-ħatja kienet waħda lenjanti u li din għandha tirrifletti aktar r-realtà ta’ kif seħħ l-inċident li fih persuna tilfet ħajjitha.

Minn naħa tagħhom l-Periti qed jikkontendu, anke jekk mhux legalment, li r-raġuni li l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza hija li huwa waqa’ għall-pressjoni tal-pubbliku, l-aktar wara d-diversi kummenti li saru fuq il-media soċjali.
Il-Periti fl-appell tagħhom qegħdin jgħidu li huma qatt ma kellhom jinstabu ħatja ta’ qtil involontarju u għalhekk il-Qorti kellha ssibhom mhux ħatja tal-akkużi miġhubin kontrihom.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, ma tatx piena ta’ priġunerija għal diversi raġunijiet fosthom minħabba li l-ħatja kellhom kondotta nadifa. Din is-sentenza ġabet ftit tad-diżappunt fost ħafna, inkluż l-armel tal-vittma Carmel Pace li kien qal li s-sentenza kienet waħda ħanina wisq, iżda huwa qal ukoll li ma kienx qed jistenna xi forma ta’ tpattija.

Fil-fatt l-Avukati tal-famija ta’ Miriam Pace, Joe Giglio u David Bonello qalu wara s-sentenza li fl-ebda mument huma qatt ma ssuġġerew li l-ħatja jingħataw piena karċerarja. Fost il-kummenti li saru kienu li n-nuqqas ta’ sentenza ta’ priġunerija, anke sospiża tfisser li l-Kamra tal-Periti ma setgħetx tibda proċeduri li jwasslu għar-revoka tal-warrant.

Aktar żmien ta’ stennija biex jibda l-ġuri tal-kuntrattur u ħaddiem fuq l-istess każ

Sadanittant iż-żewġt irġiel l-oħra mixlija bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace li kienu ddeċidew li l-każ tagħhom imur ġuri se jkollhom jistennew ferma aktar żmien biex il-proċess tagħhom jibda jinstema’. Issa li sar l-appell mill-każ Ludwig Dimech ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ li kien il-kuntrattur u Nicholas Spiteri ta’ 43 sena mill-Imqabba li kien qed jaħdem fis-sit li fih seħħ l-inċident iridu jistennew l-eżitu tal-appell tal-Periti biex wara l-ġuri jiġi appuntat u jingħata data, xi ħaġa li mhux mistennija ssir din is-sena, ta’ l-anqas.

Dimech u Spiteri kienu nfurmaw lill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud li kienu qed iressqu oġġezzjoni skont il-liġi biex il-każ tagħhom jiġi deċiż minn ġurija fil-Qorti Kriminali. Skont il-liġi l-ġuri ried jiġi appuntat meta jintemm il-każ fl-intier tiegħu fil-konfront tal-Periti Camilleri mir-Rabat u Mangion mill-Gżira, u peress issa se jsir l-appell hemm proċess ieħor.

Bħal l-akkużi ta’ Camilleri u Mangion, Dimech u Spiteri qegħdin jiġu mixlijin li fit-2 ta’ Marzu tal-2020, għall-ħabta tas-2.20 p.m. fis-sit li jinsab bejn Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera, bi traskuraġni ikkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace li kellha 54 sena.

Huma qed jiġu akkużati ukoll li fl-istess jum, u fil-ġimgħat ta’ qabel, ikkaġunaw ħsara fil-proprjeta tal-istess vittma u ta’ żewġha Carmel kif ukoll f’dawk ta’ David Zerafa, Rosaria Zerafa, John Sammut, Grace Sammut, Joseph Sammut u tal-kumpanija Edu Centre Limited.

Dimech qed jiġi mixli wkoll li għamel dikjarazzjoni falza f’dokument maħsub għal awtorità pubblika. Huma qed iwieġbu mhux ħatja ta’ dawn l-akkużi miġjubin kontrihom. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Robert Vella u l-Ispettur Matthew Galea li investigaw il-każ.

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Nicholas Spiteri filwaqt li għal Ludwig Dimech qed jidhru l-Avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto u Franco Galea. Roderick Camilleri, il-Perit tal-proġett u Anthony Mangion, l-uffiċjal tekniku tas-sit, instabu ħatja li kkawżaw il-qtil ta’ Miriam Pace permezz ta’ negliġenza, u li għamlu l-ħsara lill-binjiet tal-madwar. Camilleri nstab ħati wkoll li għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet.