Sport Waterpolo

Illejla Man Up+ fid-9:35pm fuq Net Television | Analiżi fit-tmiem tal-fażi tal-gruppi tar-Rawnd Preliminari tal-Kampjonat tal-water polo

Man Up+ jixxandar kull nhar ta' Tnejn fid-9:35pm fuq Net Television

Fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kienu magħrufa t-timijiet kollha li se jilgħabu fil-Kampjonat Premier u tal-Ewwel Diviżjoni, fit-tieni parti ta’ dan l-istaġun tas-sajf tal-water polo lokali. L-eżitu finali ssorprenda lil bosta, hekk kif fil-Kampjonat Premier, din id-darba se jkun hemm żewġ timijiet li staġun ilu kienu fl-Ewwel Diviżjoni, Valletta u Marsaskala. Dawn it-tnejn għelbu l-kompetizzjoni diretta fil-fażi tar-Rawnd Preliminari, ta’ Sirens u Exiles rispettivament. Flimkien ma’ Valletta u Marsaskala, għal sajf ieħor se jerġa’ jkun hemm Birżebbuġa li għat-tieni staġun konsekuttiva se jilgħabu fil-Kampjonat Premier. It-tliet timijiet l-oħra f’dan il-Kampjonat se jkunu s-soliti San Ġiljan, Neptunes u Sliema.

F’Man Up+ ta’ din il-ġimgħa, se jkun hemm gwida għal dak li ġara fl-aħħar żewġ match days tal-Kampjonat tas-Sajf, u li wasslu biex kienu magħrufa l-verdetti finali ta’ min se jilgħab fil-Kampjonat Premier u tal-Ewwel Diviżjoni. Bi produzzjoni u presentazzjoni ta’ Christian Micallef, fil-programm sportiv tal-lejla t-Tnejn, u li jibda fid-9:35pm fuq Net Television, se jkun hemm servizz għall kull partita li kelna fl-aħħar ġimgħa ta’ water polo. Bħal kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija, il-mistieden residenti ta’ Man Up+, se jerġa’ jkun il-kowċ nazzjonali Malti, Karl Izzo li jagħti l-ħsibijiet tiegħu dwar dak li qed iseħħ f’dan il-Kampjonat.

Man Up+ jitwassal kull ġimgħa bl-appoġġ ta’ Avanza Training Academy, Motors Inc., Cisk, Dove u Gorg Borg Company Limited, Gillette u VJ Salomone Marketing, Jet Freight Limited, Dizz Group, Caffe’ Pascucci Malta u Grand Hotel Excelsior Malta.