Lokali

Inizjattiva ġdida tal-PN: Il-kampanja ‘Ejjew Nazzjonalisti – Nissaħħu’

Fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista nieda inizjattiva ġdida bl-isem ta’ ‘Ejjew Nazzjonalisti – Nissaħħu’ – inizjattiva ta’ ġbir ta’ fondi li dwarha tkellem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervent telefoniku fuq Net FM il-Ħadd filgħodu.

“Aħna rridu l-għajununa tiegħek, irridu il-ħiliet tiegħek u għandna bżonn l-inteliġenza tiegħek, il-passjoni u ħila tiegħek, pero wkoll l-għajnuna finanzjarja. Hawn min m’għandux il-ħin biex jiġi jgħina, hawn min m’ghħandux il-possibiltà minħabba mpenji oħrajn, imma issa jistgħu jgħinu wkoll billi jagħti kontribut finanzjarju. Inkunu qed nibnu flimkien bank ta’ riżorsi finanzjarji biex insaħħu l-messaġġ illum, naħdmu aħjar u nippreparaw ruħna biex inkunu tassew sfida u possibiltà ta’ rebħa għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.”

Bernard Grech spjega kif dan huwa mod kif darba fix-xahar, persuna tista’ tagħti xi haġa b’mod regolari. Dawn l-ammonti, kif spjega l-Kap tal-PN, il-ftit tal-ħafna se jmorru b’risq il-ħidma bla waqfien tal-partit b’risq pajjiżna u b’risq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Dawk kollha interessati li jipparteċipaw f’din l-inizjattiva jistgħu jikkontribwixxu b’diversi modi, fosthom:

• Permezz ta’ ċekk pagabbli lill-Partit Nazzjonalista mibgħut kull xahar lid-Dar Ċentrali, Triq Herbert Ganado, Pietà;

• Permezz ta’ standing order li tista’ ssir permezz ta’ online banking jew billi wieħed iżur fergħa tal-bank fejn huwa diġà klijent u jagħti d-dettalji bankarji tal-Partit; jew

• Permezz tal-website tal-Partit Nazzjonalista pn.org.mt/donate.