Internazzjonali

Ir-Renju Unit: L-isptarijiet ta’ Londra milqutin minn emerġenza ta’ għargħar

Żewġ sptarijiet lejn il-lvant ta’ Londra ntlaqtu minn għargħar qawwi li affettwa fost oħrajn lid-dipartimenti tal-emerġenza, fost sitwazzjonijiet inċerti għall-aħħar. Dan seħħ wara li l-kapitali Britannika spiċċat suġġetta għal sigħat ta’ xita qawwija, b’diversi skwadri għall-emerġenza jispiċċaw jintervjenu waqt il-każi problematiċi sussegwenti.

Sadanittant, l-uffiċjali responsabbli miż-żewġ sptarijiet wissew lill-pazjenti biex ma jersqux lejn dawn il-kumplessi. Dan fost l-isforzi biex is-sitwazzjoni tinġieb taħt kontroll u meta kienet mistennija mewġa ġdida ta’ maltemp fl-inħawi tal-kapitali u l-madwar.

L-isptar ta’ Whipps Cross spiċċa mingħajr dawl u fl-aħħar sigħat kienu anki evakwati l-mijiet ta’ pazjenti (inpatients). Sadanittant, l-uffiċjali fl-isptar ta’ Newham talbu biex il-pazjenti jużaw servizzi ta’ emerġenza oħrajn għall-kura urġenti.

L-ambulanzi, fl-istess ħin, kellhom jaqbdu rotot differenti minħabba l-għargħar li faqa’ ukoll numru sostanzjali ta’ djar, toroq u stazzjonijiet tal-ferrovija.

Kelliema għal-London Fire Brigade qalu li s-servizzi tagħhom wieġbu għal aktar minn 1,000 telefonata ta’ emerġenza b’konnessjoni mal-kriżi tal-għargħar.

Dan waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi salvaw numru ta’ nies li spiċċaw maqbudin fil-karozzi tagħhom, waqt li kienu salvati wkoll in-nies mill-kantini tad-djar mifqugħin bl-ilma. Is-servizzi inkwistjoni wieġbu wkoll għal emerġenzi fejn ċedew is-soqfa tad-djar u fejn ir-residenti kellhom jiffaċċaw sitwazzjonijiet mill-aktar problematiċi.

Intant, il-kriżi affettwat bil-kbir lis-settur tas-saħħa fil-kapitali, bil-kelliema għal Barts Health NHS Trust, li jmexxi l-isptarijiet ta’ Newham and Whipps Cross, jesiġu biex il-pazjenti ‘jirrikorru fi sptarijiet alternattivi’.

Fl-aħħar sigħat, il-parti kbira tat-toroq ta’ Londra – fosthom Blackwall Tunnel, l-A12 u partijiet mir-ring road ta’ North Circular — spiċċaw magħluqin b’kaġun tal-għargħar qawwi.

Sadanittant, l-istazzjon ta’ Stepney Green ukoll baqa’ magħluq, għalkemm fl-aħħar sigħat laħqu fetħu tmien stazzjonijiet tat-Tube u tal-Overground f’Londra.

Fl-istess ħin, baqgħet valida twissija dwar aktar maltempati bix-xita għal diversi bnadi lejn ix-xlokk tal-Ingilterra.