Lokali

Jiddaħħlu Malta 46 immigrant

It-temp sabiħ tas-Sajf qed ikompli jwassal biex aktar immigranti jagħżlu li jitilqu minn pajjiżhom u jaqsmu lejn l-Ewropa. Filfatt, fl-aħħar sigħat, grupp ta’ 46 immigrant iddaħħlu Malta wara li ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta. Il-proċess biex dawn l-immigranti jinġiebu f’pajjiżna beda kmieni matul il-jum tat-Tnejn meta l-AFM ħarġu ‘l barra fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta wara li daħlu rapporti li l-immigranti setgħu kienu f’diffikultà.

Rapporti qed jindikaw li fost il-grupp ta’ 46, hemm ukoll tarbija. Għadha mhux magħrufa l-kundizzjoni tas-saħħa ta’ dawn l-immigranti u għadu mhux ċert fejn ittieħdu appena waslu f’pajjiżna. Dan huwa it-tieni grupp ta’ immigranti li daħal f’pajjiżna fl-aħħar jiem hekk kif 78 immigrant daħlu Malta fl-14 ta’ Lulju. Ma’ dan il-grupp kien hemm ukoll tliet persuni li tilfu ħajjithom.