Il-President tat-Tuneżija Kais Saied, fl-aħħar sigħat, keċċa lil Hichem Mechichi minn Prim Ministru waqt li ssospenda lill-Parlament, fost tensjoni kbira f’Tunis u ‘il hinn minu. Dan wara li l-pajjiż għadda minn sigħat ta’ protesti tal-massa karatterizzati mill-vjolenza u li kienu ilhom għaddejjin min-nhar il-Ħadd.
Intant, ir-rabja dwar ir-reazzjoni tal-Gvern Tuneżin għall-qabża riċenti ta’ każi tal-Covid-19 kompliet iżżid l-arja ta’ inkwiet ġenerali fost it-taqlib ekonomiku u soċjali f’dan il-pajjiż.
Il-President Saied, li kien elett fil-kariga fl-2019, fl-aħħar sigħat ħabbar li kien qed jieħu r-riedni tal-pajjiż, bis-sostenituri tiegħu joħorġu jiċċelebraw l-iżviluppi kontroversjali.
Madankollu, l-avversarji politiċi ta’ Saied fil-Parlament akkużaw lill-President dwar attentat għal kolp ta’ stat — u meta ma waqafx il-ġlied fit-toroq bejn il-gruppi ta’ partitarji rivali. Spikka fuq kollox it-tfigħ ta’ ġebel bejn il-gruppi barra l-bini tal-leġislatura li l-aċċessi kollha għaliha ngħalqu mill-pulizija. Fl-istess ħin, il-pulizija ma kenux qed jippermettu li l-ħaddiema jidħlu f’diversi bini tal-Gvern, fost it-tensjoni akuta.
Il-President Saied, politiku independenti, kien ilu żmien involut f’tilwima ma’ Hichem Mechichi li kellu l-appoġġ tal-Ennahda – partit Iżlamiku u li hu wkoll l-akbar partit fil-Parlament.
U waqt li r-rivoluzzjoni storika tal-2011 fit-Tuneżija ssemmiet bħala ‘l-uniku suċċess tar-Rebbiegħa Għarbija madwar ir-reġjun’, il-pajjiż xorta waħda għadu ‘il bogħod mill-istabbilità politika u ekonomika.
Sadanittant, l-aħħar mewġa tal-coronavirus li affettwat id-diversi zoni tat-Tuneżija kompliet tixpruna s-sens qawwi ta’ frustrazzjoni fost il-poplu. Dan ukoll wara li l-ġimgħa l-oħra, spiċċa jitlef postu l-Ministru tas-Saħħa Tuneżin minħabba nuqqasijiet kbar fil-programm ta’ tilqim nazzjonali.
//= $special ?>