Lokali

Arrestat tifel ta’ 14-il sena wara argument li ħalla żagħżugħ ieħor ferut f’Tas-Sliema

Żagħżugħ ta’ 21 sena, Ingliż residenti l-Mosta, spiċċa ferut u kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei wara argument li seħħ illum fl-4.30pm f’residenza f’Tas-Sliema.

NET News jinsab infurmat li l-Pulizija ssejħu fi Triq Locker wara li kien hemm żagħżugħ mixħut mal-art mimli dmija. Allegatament, fl-argument intużat arma li taqta’ u bil-ponta.

Immedjatament waslet ukoll Ambulanza, bit-Tobba jagħtu l-ewwel għajnuna. Min-naħa tagħha, il-Pulizija bdiet bl-investigazzjonijiet, li wasslet għall-arrest ta’ tifel ta’ 14-il sena.

Iż-żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġew iċċertifikati li sofrew minn feriti gravi.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-għassa Ian Farrugia, li qed imexxi Inkjesta, mgħejjun minn għadd ta’ esperti.