Lokali

ANALIŻI: Robert Abela u l-attakki fuq Daphne Caruana Galizia

Indħil fil-kisba għall-verità – kien dan is-sehem deskritt minn bosta li ta l-Prim Ministru Robert Abela fl-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia meta kien ħoloq pressjoni fuq il-bord ta’ inkjesta biex itemmu l-proċeduri, għax skont hu kien ingħata żmien biżżejjed.

Fi stqarrija l-bord kien wieġeb lill-Gvern Laburista li ma kienx se jkun qiegħed jaċċetta pressjoni jew intimidazzjoni żejda, filwaqt li sostna li t-tfittxija għall-verità m’għandha qatt tkun suġġett għal termini u kundizzjonijiet bil-għan li ssir ġustizzja. Dan filwaqt li l-bord kien talab li l-awtonomija u l-indipendeza tal-ġustizzja kellha tiġi rispettata….u 6 xhur wara, tħabbar li l-inkjesta wasslet fi tmiemha.

Iżda fir-realtà l-kampanja ta’ kontinwità u r-retorika ta’ indħil tal-Gvern Laburista, mmexxija minn Robert Abela, ingħatat bidu sa minn qabel ma’ nħatar bħala suċċessur tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan hekk kif fl-2018, meta kienet qed issir pressjoni sabiex tinfetaħ l-inkjesta pubblika mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia huwa saħaq li uliedha kienu aktar interessati jagħmlu isem ħażin lil Malta barra minn xtutna milli jsibu l-id wara l-qtil ta’ ommhom. Dan filwaqt li kompla jixħet dell ikrah fuqhom hekk kif kien insista li l-familja Caruana Galizia kellha agenda politika.

Hekk ukoll għamel meta fl-1 ta’ Settembru tal-2018, permezz ta’ post fuq Facebook kien iddefenda lill-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta – l-istess Silvio Valletta implikat mill-għanqbuta kriminali bħala Silvio l-Oħxon, li skont ix-xhieda tal-middleman Melvin Theuma kien iwassal informazzjoni sensittva lil Yorgen Fenech b’rabta mal-każ tal-assassinju.

Robert Abela kien ipprova jirredikola lil ulied Daphne Caruana Galizia anke meta kienu qed jistinkaw sabiex l-investigazzjonijiet ikunu verament indipendenti u bl-aktar mod surreali kien allega li kienu huma stess li kienu qed ifixklu l-investigazzjonijiet u jgħid li kellhom l-ardir jitkellmu kontra l-Gvern Laburista.

Fastforward għal sentejn wara…Jannar 2020 bix-xena politika ta’ dak iż-żmien twassal għal waqa’ ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru wara li eluf ta’ dimostranti niżlu fit-toroq…b’Robert Abela dak iż-żmien kandidat biex jeħodlu postu…meta kien mistoqsi jekk kienx se jitlob skuża lill-familja Caruana Galizia huwa staqsa għalfejn kellu jitlob skuża għaliex l-istat ma kien naqas f’xejn.

6 xhur wara dan l-episodju…b’Robert Abela issa fl-ogħla kariga fil-kuriduri ta’ Kastilja, huwa kellu jagħmel u-turn sforzata ta’ kliemu u ammetta li dak id-diskors li qal fuq Facebook kien żejjed.

Intant f’Diċembru 2020, f’diskors politiku f’Għawdex, farfarha fuq Joseph Muscat u saħaq li kwalunkwè ħaġa li kienet se tikkonkludi l-inkjesta pubblika żgur se turi li l-amministrazzjoni tiegħu qatt ma xekklet l-investigazzjonijiet iżda fl-istess waqt insista li l-bord kellu jerfa’ kull responsabbiltà għad-dewmien, skont hu dewmien żejjed – xi ħaġa li ġiet assolutament miċħuda.