Internazzjonali

Covid-19: L-Italja fiduċjuża li tilħaq livell ta’ ‘herd immunity’ sa Settembru… Jibqgħu jonqsu l-infezzjonijiet fl-Ingilterra

L-awtoritajiet tas-saħħa fl-Italja huma fiduċjużi li l-pajjiż ‘qabad it-triq it-tajba’ biex, sa Settembru, ikollu tal-anqas 80 fil-mija tal-poplu vaċċinat għal kontra l-Covid-19.

Il-Kummissarju Taljan li jieħu ħsieb l-emerġenzi relatati mal-pandemija,  Paolo Figliuolo, sostna li l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin imexxu l-programmi ‘fuq livell sodisfaċenti’ filwaqt li jemmen li r-rata tat-tilqim, sal-aħħar ta’ Settembru, għandha twassal għal sitwazzjoni ta’ herd immunity fost il-poplu tal-Italja.

Meta żar hub tat-tilqim fil-belt ta’ Turin, Figliuolo qal li sal-aħħar ta’ Lulju, is-servizzi tas-saħħa fl-Italja se jkunu laqqmu mas-60 fil-mija tan-nies ‘li possibbilment jistgħu jingħataw il-vaċċin sa dan il-perjodu’.

Fl-istess ħin, il-Kummissarju tenna li ‘ma jarax raġuni’ għalfejn it-tragward ta’ 80 fil-mija tat-Taljani mlaqqmin m’għandux jintlaħaq sal-aħħar ta’ Settembru.

Dan meta fil-preżent, mas-56 fil-mija tat-Taljani laħqu tlaqqmu kontra l-coronavirus u l-varjanti tiegħu, bl-awtoritajiet jikkunsidraw il-ħidma li saret s’issa bħala ‘sodisfaċenti’.

Madankollu, fl-Italja, qegħdin isiru xorta d-dimostrazzjonijiet minn gruppi ta’ nies – anti-vaxxers – li huma kontra l-vaċċin għal kontra l-Covid-19 u li għadhom xettiċi dwar ‘il-veru effetti tat-tilqima’.

Sadanittant, ir-Renju Unit seta’ għadda mill-agħar tal-aħħar fażi tal-pandemija – bl-ammont ta’ infezzjonijiet bil-Covid għal kuljum ikomplu jonqsu għas-sitt ġurnata konsekuttiva u meta l-ammont tal-infettati bħalissa hu ffissat mal-24,950.

Filwaqt li ħadd mhu ċert li l-pandemija tassew ‘ħadet daqqa kbira ’l isfel’ huwa ftit aktar minn ġimgħa li l-awtoritajiet lokali kienu wissew dwar il-possibbiltà li r-Renju Unit jibda jirreġistra mal-100,00 jew anki 200,000 infezzjoni bil-Covid għal kull ġurnata.

Hu wkoll impressjonanti li – kuntrarju għall-mewġ preċedenti li laqtu lill-pajjiż mill-bidu tal-2020 ’il hawn – it-tnaqqis sinifikanti fil-każi qed iseħħ mingħajr l-impożizzjoni ta’ lockdown nazzjonali.

Fil-fatt, ir-Renju Unit – għall-kuntrarju – qed jiftaħ dejjem aktar għall-ħajja soċjali fost arja ġdida ta’ normalità’.

Madankollu l-awtoritajiet tas-saħħa xorta qegħdin iħeġġu għall-kawtela meta mhux mija fil-mija ċert li t-tielet mewġa tal-Covid waslet biex tispiċċa u bl-istess awtoritajiet għadhom qed jevalwaw is-sitwazzjoni minn ġurnata għall-oħra.