Lokali

“Familja waħda għall-ġid ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

Aktar u aktar nies, jum wara l-ieħor, aktar persuni qed iħossu li għandhom obbligu lejn il-pajjiż u ġurnata wara l-oħra qed jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista biex il-Partit ikun jista’ jissaħħaħ u jerġa’ jagħti kredibbiltà u futur lil pajjiżna.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa ta’ informazzjoni għad-Deputati u l-Kandidati kollha tal-Partit, bit-tema “Nirbħu l-qlub u nikkonvinċu l-imħuħ”.

F’kelmtejn qabel il-ftuħ ta’ dan is-seminar, organizzat mill-Partit Nazzjonalista bil-kollaborazzjoni tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, Bernard Grech saħaq li bħala familja waħda, il-Kandidati għandhom jisimgħu l-qalb tħabbat tan-nies u dan jista’ jseħħ bħala Partit magħqud.

Hu ħeġġeġ l-inizjattiva biex jixxammru l-kmiem u bħala katina waħda jaħdmu b’rispett lejn il-poplu Malti u Għawdxi … b’ħidma favur il-ġid tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li l-ħidma għandha tissokta ħalli pajjiżna jkollu Gvern Alternattiv li joffri tama ġdida għal pajjiżna.

Sadanittant, Bernard Grech ta sostenn morali lil David Casa wara dak li ħareġ mix-xhieda fil-Qorti tul il-jum waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, l-allegat kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – fejn insista li minkejja li persuni fostna jkunu f’riskju, xorta waħda jaħdmu qatigħ għall-ġid tal-poplu kollu għax jemmnu f’xi ħaġa u jiddedikaw ħajjithom għaliha b’mod komplet.

Filwaqt li l-MEP Nazzjonalista David Casa rringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-ħidma tiegħu fl-aħħar xhur, hu nsista l-Kandidati jinsabu bħala tim wieħed wara Bernard Grech, ippreparati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.