Futbol Sport

Hibernians jikkwalifikaw għat-tielet rawnd tal-Conference League

(Ritratt: UEFA)

HIBERNIANS ………. 4 (7)

FOLGORE ……………. 2 (3)

Hibernians: N.Vella, Z.Grech, L.Almeida, A.Agius, A.Attard, D.Vella, B.Kristensen, J.Grech, Thaylor, W.Domoraud, J.Degabriele

Folgore: R.Giorgi, G.Bonini, N.Arrigoni, C.Brolli, P.Tamagnini, A.Nucci, A.Fall, Y.Jassey, M.Spighi, M.Bernardi, E.Fedeli

Referee: A.Kardesler

Assistenti Referees: K.Ersoy, A.Ogel

Hibernians ikkwalifikaw għat-tielet rawnd tal-UEFA Conference League meta għelbu lil Folgore ta’ San Marino bl-iskor ta’ 4-2.

Hibernians fetħu l-iskor kmieni fil-partita meta fid-9 minuta kien l-attakkant internazzjonali Malti JURGEN DEGABRIELE li wara pass ta’ Jake Grech tefa’ ġewwa għal 1-0. Madanakollu Folgore kisbu l-gowl tad-draw fit-28 minuta meta minn pass ta’ Andrea Nucci kien ERIC FEDELI li għeleb lil Nicky Vella għal 1-1. Biex minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima Folgore marru fil-vantaġġ meta wara inċertezza bejn id-difiża ta’ Hibernians, kien YAYA JASSEY li approfitta u tefa’ wara Vella għal 2-1.

Iżda fit-tieni taqsima Hibernians ħarġu mill-ewwel ifittixu l-gowl u proprju fis-47 minuta Hibernians ġabu d-draw meta minn pass ta’ Thaylor kien WILFRED DOMORAUD li kkonkluda fil-lasta għal 2-2. Biex fis-66 minuta minn pass preċiż ta’ Bjorn Kristensen, reġa’ kien JURGEN DEGABRIELE li kkonkluda fil-lasta għal 3-2. Hibernians skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom fis-77 minuta meta din id-darba kien Jurgen Degarbriele li għadda lejn JAKE GRECH li mill-viċin ma żbaljax għal skor finali ta’ 4-2.