Sport Waterpolo

Il-vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni finalment kien id-differenza favur Birżebbuġa

Rapport: Stewart Said

M’SKALA FISH AND FISH……….. 8

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…………. 10

(1-3), (3-3), (1-1), (3-3)

Birżebbuġa Freeport u Marsaskala Fish and Fish ikkonfermaw għaliex qed jiffurmaw parti mill-Kampjonat Premier. Partita sabiħa, intensa u li setgħet tmur kull naħa. Finalment kien il-vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni li kien id-differenza bejn it-tnejn.

Tislima speċjali lil Paul Privitera li qed ikompli juri l-kwalitajiet tiegħu. Mhux biss irnexxielu jsib ix-xibka ħames darbiet, iżda tul il-logħba wera li minkejja l-età tiegħu, kien l-aktar plejer perikoluż fil-pitch. Dan minbarra li bħalma jagħmel dejjem, beda jmexxi lil sħabu fl-ilma.

Bidu pożittiv għat-tim ta’ Pierre Borg hekk kif wara li Marsaskala wieġbu għall-ewwel gowl ta’ Ben Grech, Birżebbuġa kisbu vantaġġ ta’ 3-1 permezz ta’ Gabriel Sammut u Christian Mifsud. Marsaskala wettqu reazzjoni u rnexxielhom jagħmlu l-iskor 4-4. Il-gowls waslu minn doppjetta tal-veteran Paul Privitera u Jean Claude Cutajar, b’David Cutajar kien ta’ vantaġġ ta’ 4-2 lil Birżebbuġa. Madankollu kien veteran ieħor, Neil Cassar, li skorja doppjetta u għen lil Birżebbuġa jibdew it-tielet sessjoni 6-4 minn fuq.

Marsaskala baqgħu jiġru wara r-riżultat fit-tielet sessjoni iżda wara li Jean Claude Cutajar naqqas id-distakk minn angolu ftit magħluq, Simon Vassallo żamm il-vantaġġ doppju ta’ Birżebbuġa. Dan id-distakk sparixxa fl-ewwel kwart tal-aħħar sessjoni, b’Paul Privitera u Mark Carani minn penalty jagħmlu l-iskor 7-7. Risposta immedjata minn Birżebbuġa permezz ta’ Cutajar, bl-istess plejer jiskorja penalty tliet minuti mit-tmiem. Privitera kompla jkun preċiż u ħalla lit-tim ta’ Arpad Babay jittama. Fl-aħħar azzjoni tal-logħba, Marsaskala ħlew l-okkażjoni u minn kontrattakk, David Pace Lupi ssiġilla r-rebħa eżatt mat-tisfira finali.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (2), A. Camenzuli, P. Privitera (5), G. Sammut, L. Grixti, K. Navarro, M. Manara, S. Micallef, L. Felice, J. Ciantar, M. Carani (1), A. Muscat, G. Galea, N. Gatt

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia, N. Cassar (2), D. Pace Lupi (1), C. Mifsud (1), P. Serracino, S. Vassallo (1), D. Cutajar (3), M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech (1), G. Sammut (1)

Referees: Massimo Angileri, Alex De Raffaele

MARSAXLOKK BROWN’S……… 6

EXILES……………………………………. 16

(2-5), (0-4), (1-4), (4-3)

Wara d-diżappunt tas-Sibt li għadda minħabba li fallew milli jikkwalifikaw biex jilagħbu fil-Kampjonat Premier, Exiles żvugaw f’Marsaxlokk Brown’s Pharma u kisbu rebħu faċli ta’ 16-6. B’hekk skont il-format preżenti, jekk wieħed jgħodd iż-żewġ rebħiet li kisbu fuq Otters u Ta’ Xbiex (iż-żewġ timijiet li kienu fil-grupp magħhom u se jkomplu l-istaġun fl-Ewwel Diviżjoni), Exiles issa għandhom tliet rebħiet minn tliet logħbiet. Marsaxlokk għadhom bla punt.

Doppjetta ta’ Kurt Griscti fl-ewwel sessjoni wittiet it-triq għar-rebħa ta’ Exiles. Marsaxlokk wieġbu biss permezz ta’ penalty skorjat minn Matteo Martellacci u Jadyn Portelli li għamlu l-iskor parzjali 1-2 u 2-4 rispettivament. Max Aquilina skorja t-tieni gowl personali u kabbar il-vantaġġ għal tliet gowls.

Marsaxlokk naqsu li jwieġbu fit-tieni sessjoni u Exiles prattikament aċċertaw mir-rebħa b’erba’ gowls mingħajr risposta għal vantaġġ komdu ta’ 9-2. Sean Xerri de Caro, Jake Bajada, Max Aquilina u Nicky Paris skorjaw il-gowls għat-tim ta’ Aurelien Cousin.

Exiles komplew iżidu l-vantaġġ fit-tielet sessjoni b’erba’ gowls oħra, bid-differenza li Matteo Cacici naqqas għal distakk. L-aħħar sessjoni kienet aktar sessjoni ta’ taħriġ, b’diversi plejers li mhux soltu jkunu regolari, isibu l-ispazju tagħhom, fosthom iż-żewġ gowlkipers ta’ riserva. L-uniku konsolazzjoni għal Marsaxlokk kienet li rebħu l-aħħar sessjoni.

Marsaxlokk: B. Busuttil, S. Stellini, M. Pace, M. Martellacci (1), S. Busuttil (1), L. Saliba, J. Galea, K. Cremona, Z. Micallef (1), R. Scerri, M. Cacici (1), J. Portelli (1), F. Buhagiar, L. Mallia, K. Cauchi (1)

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, S. Apap, P. Paris, T. Sullivan (2), S. Xerri de Caro (1), M. Fenech (1), K. Griscti (3), N. Paris (2), J. Bajada (2), M. Aquilina (3), D. Fenech (2), G. Borg

Referees: Peter Balzan, Neville Mercieca