Lokali

Justyne Caruana titfa’ r-responsabbiltà fuq Fearne

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana waħħlet fid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u fis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci għall-isfreġju fis-settur tal-Iskejjel tal-Ingliż… sforz id-deċiżjonijiet mgħaġġlin li ħa l-Gvern.

Fix-xhur tas-Sajf, dan is-settur normalment jara żieda qawwija ta’ haddiema, b’mijiet ikunu impjegati bħala għalliema. Oħrajn jaraw żieda fid-dħul finanzjarju tagħhom għal xi raġuni jew oħra, fosthom bil-kiri ta’ appartamenti jew għax jilqgħu lil xi student f’darhom.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern ta’ Robert Abela ma ppjanax kif se jara li jgħin lil dan is-settur, ħlief billi ta 300 ewro lil kull student li jżur pajjiżna. U mbagħad, meta ra ċ-ċifri tal-każi pożittivi tal-Covid-19 jiżdiedu, il-Gvern iddeċieda li jagħlaq habta u sabta dawn l-iskejjel.

Iżda mistoqsija minn NET News kif il-Gvern se jkun qed jgħin lil dawk il-mijiet li tilfu d-dħul tagħhom kawża ta’ dan in-nuqqas ta’ ppjanar, il-Ministru Caruana – suppost responsabbli minn dan is-settur – tefgħet il-ballun f’ħoġor il-Ministru Chris Fearne.

Sentejn ilu, fil-ġlieda għal-Leadership tal-Partit Laburista, Justyne Caruana kienet appoġġjat fl-apert lil Robert Abela. Min-naħa tiegħu, hu kien irringrazzjaha tal-appoġġ billi reġa’ daħħalha fil-Kabinett. U issa, il-Ministru Caruana qed tipprova tfarfar in-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern fuq spallejn Chris Fearne biss.