Lokali

Koppja gay allegatament imsawta f’Paceville: L-MGRM tappella lil persuni LGBTIQ biex ma jersqux lejn il-bar

Tersqux lejn dan l-istabbiliment f’Paceville la darba ma titteħidx azzjoni li tigarrantixxi s-sigurtà meħtieġa.

Dan kien l-appell lill-komunita LGBTIQ f’pajjiżna tal-Malta Gay Rights Movement wara li ġie allegat abbuż omofobiku fuq koppja gay.

Aktar kmieni fuq il-midja soċjali, fuq grupp partikolari, Celine Balzan Gera spjegat kif flimkien mat-tfajla tagħha spiċċaw abbużati u saħansitra msawta minn bouncer li xeħithom ‘il barra bil-forza wara li qasmu bewsa bejniethom fl-istabbiliment.

Dan filwaqt li spjegat li rnexxielha tieħu ritratt tal-allegat aggressur.

Hija saħqet li qatt f’ħajjitha ma esperjenzat attakk omofobiku u appellat lill-awtoritajiet sabiex jieħdu l-azzjoni meħtieġa.

Dan filwaqt li l-MGRM saħqet li f’każ li persuna tirċievi dan it-tip ta’ abbuż, il-membri tagħha lesti jakkumpanjawhom f’Għassa tal-Pulizija sabiex iwettqu rapport filwaqt li fakkret ukoll li toffri servizzi legali gratis.

Intant f’kummenti li ta lill-midja, sid l-istabbiliment spjega li qed jinvestigaw il-każ internament u qed jikkollaboraw ukoll mal-Pulizija hekk kif din hija sitwazzjoni serja ħafna.

https://www.facebook.com/mgrmmalta/posts/10158601612532986?cft[0]=AZUqLhLsEIz_akwU_3EKN0j2O7L32DUOtaYLDwCV29BzLzc786-xc4nUntvppvGDvdWU2awR1nPcBqAHrcWfxTojyFH3BAy00JD9S_h7voEyeDTsiu6lQT0mjKBPX5ZBi2rWh0Q6v8baTCvM8GnkobSDbIaNjv_f-Ne4SsfuU7S_AQ&tn=%2CO%2CP-R