Lokali

Miriam Dalli bla soluzzjoni għas-serq fil-kontijiet tad-dawl

Għax għad m’għandux soluzzjoni dwar is-serq fil-kontijiet tad-dawl, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jipprova jwaħħal fil-Partit Nazzjonalista, minkejja li issa l-Partit Laburista ilu aktar minn tmien snin fil-Gvern. Xhieda ta’ dan hu l-mod kif – tliet snin wara li Joseph Muscat kien irrikonoxxa t-taħwid fil-mod kif jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, s’issa l-Gvern għadu mingħajr soluzzjoni.

Il-konferma waslet mingħand il-Ministru Miriam Dalli, persuna qrib ħafna ta’ Robert Abela, tant li kien Abela stess illi għażilha biex tkun fil-Parlament Malti u eventwalment Ministru tal-Enerġija.

Mistoqsija minn NET News, jekk għandhiex idea ta’ meta dan it-taħwid – li s’issa sarraf f’serq ta’ miljuni ta’ ewro minn but il-Maltin u l-Għawdxin – se jkun indirizzat, Miriam Dalli uriet biċ-ċar li l-Gvern s’issa għad m’għandux soluzzjoni.

Tliet snin ilu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien qal fuq ix-Xandir tal-Istat li l-Gvern immexxi minnu kellu jsolvi din is-sitwazzjoni matul is-sena ta’ wara. Madankollu, sforz il-kriżi politika li ħakmet il-Gvern tiegħu fl-2019, dan is-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma baqa’ ma ġiex indirizzat.

Minn dakinhar għaddew sentejn oħra u hu evidenti li l-Gvern għadu ma sabx is-soluzzjoni. Minflok – u minkejja li s-sitwazzjoni ħoloqha l-Gvern Laburista – il-Ministru tal-Enerġija allegat b’mod partiggjan li din hi problema li ħoloqha l-Partit Nazzjonalista.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech diġà għamilha ċara li Gvern ġdid immexxi minnu jara li l-poplu jingħata lura l-flus kollha li nsteraq mill-Gvern Laburista.

Għal din il-proposta, il-poplu wieġeb bi ħġaru għall-kampanja li biha, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob aktar informazzjoni mill-Maltin u l-Għawdxin ħalli jkun jista’ jrodd lura l-flus misruqa mill-kontijiet.