Sport Sport Ieħor

Monument Olimpiku ġdid fl-Għarb

Fl-okkazjoni tal-Jum Olimpiku li kien nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Ġunju 2021, saret l-inawgurazzjoni ta’ Monument Olimpiku fiż-żona fejn hemm il-faċilitajiet sportivi, fi Triq Tumas Cassar, fl-Għarb, Għawdex.

Dan il-monument sar fuq inizjattiva tas-segretarju ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti Joe Cassar li flimkien ma’ Joe Bajada, l-President tal-Kumissjoni taċ-Ċikliżmu fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li flimkien ħadmu biex isir dan il-mounment f’post addattat fil-gżira Għawdxija.

Fiċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, Joe Cassar semma l-valuri Olimpiċi, kif ukoll il-proċess biex dan il-Monument seta’ jsir bil-ħidma ta’ Joe Bajada li huwa wkoll membru fil-Kunsill tal-Kumitat Olimpiku Malti, apparti karigi oħra sportivi Internazzjonali.

Joe Bajada fakkar ukoll li dan il-moument se jservi bħala rikonoxximent mhux biss għall-Għawdxin involuti f’għadiet sportivi internazzjonali, iżda saħansitra għal dawk li pparteċipaw fl-Olimpjadi, bħal ma għamel Tommy Cauchi fl-Olimpjadi ta’ Los Angele u f’Seoul il-Kore t’Isfel bħala kowċ tat-tim nazzjonali tal-Isparar bil-Qaws.