Lokali

Qasma fil-Kabinett dwar il-greylisting tal-FATF

Evidenti l-qasma fost il-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela għall-mod kif – kawża tal-Gvern – pajjiżna spiċċa fil-greylist tal-FATF u fil-lista ta’ pajjiżi meqjusin mir-Renju Unit bħala high risk għall-ħasil tal-flus.

Jiem wara dawn ir-riżultati inkwetanti, jidher li l-Kabinett għad m’għandux idea kif se jindirizza dawn iż-żewġ sfidi, li ġabhom b’idejh hu stess. Dan ikkonfermah il-Ministru Jose Herrera, meta qal lil NET News li l-Gvern għadu qed jagħmel ħiltu kollha biex jiffaċċja l-isfida.

U filwaqt li wħud mill-membri tal-Kabinett iddefendew l-aġir tal-Gvern li wassal għal dawn iż-żewġ ċertifikati negattivi, Herrera wera li ma jaqbilx, tant li qal – għal darba darbtejn – li saru l-iżbalji. Hu tenna li jekk jgħid li ħadd ma għamel xi żball, ikun qed jitlef il-kredibbiltà tiegħu stess.

Biex jipprova jiġbor ġieh il-Gvern, il-Ministru Herrera qal li l-Gvern wettaq diversi riformi … għalkemm naqas milli jgħid li ħafna minn dawn ir-riformi kellhom isiru biex suppost isem pajiżna ma jispiċċax fl-istat li qiegħed fih illum.