Ambjent Lokali

Jitressaq appell kontra l-iżvilupp f’Pembroke grazzi għall-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi mingħand il-pubbliku

Tliet Kunsilli Lokali, disa’ organizzazzjonijiet u diversi residenti ta’ Pembroke appellaw mat-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) id-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar biex il-proġett tad-DB Group ikun jista’ jsir fuq is-sit fejn qabel kien hemm l-ITS. L-appell seta’ jsir grazzi għas-suċċess ta’ sejħa pubblika għal fondi fejn inġabret is-somma ta’ €20,000 mingħand mijiet ta’ donaturi.

Dan saħqu fi stqarrija l-Moviment Graffitti fejn ġie spjegat li l-appellanti qegħdin jitolbu li titħassar id-deċiżjoni tal-PA li tippermetti lid-DB Group jibni żewġ torriijiet ta’ 18- u 17-il sular u lukanda ta’ 12-il sular, fuq art pubblika f’Pembroke, f’żona residenzjali u li se jkollha impatti diżastrużi fuq siti storiċi importanti u postijiet ta’ sensittività naturali kbira. Fl-appell tagħhom, il-Kunsilli Lokali, l-organizzazzjonijiet u r-residenti jelenkaw diversi raġunijiet għat-talba tagħhom biex jiġi revokat il-permess, fosthom in-nuqqas ta’ konformità tal-proġett ma’ ħafna policies tal-ippjanar, l-istudji difettużi u mhux kompluti li ssottometta l-iżviluppatur u l-proċess mimli irregolaritajiet li wassal għal laqgħa u deċiżjoni inġusta tal-Bord tal-Ippjanar.

L-azzjonijiet legali li ttieħdu wara d-deċiżjoni tal-2018 kienu wasslu biex jiġi mħassar il-permess li ħareġ fl-istess sena. Permezz tar-rispons b’saħħtu tal-pubbliku għall-kampanja riċenti għall-ġbir ta’ fondi, l-appellanti għal darb’oħra se jkunu jistgħu jieħdu kull azzjoni legali possibbli li tista’ twassal għar-revokazzjoni tal-permess tad-DB. Appell ieħor kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li approvat l-Assessjar tal-Impatt Ambjentali (EIA) tal-proġett, diġà ġie mressaq fix-xhur li għaddew.

Moviment Graffitti rringrazzjaw lill-pubbliku tal-appoġġ qawwi li wera f’din il-ġlieda kontra r-regħba li ilhom jiġġieldu għal aktar minn erba’ snin. Huma qali li qed jimpenjaw ruħhom li jagħmlu kull sforz possibbli biex iwaqqfu lill-imprendituri kbar u lill-awtoritajiet pubbliċi milli jkomplu jgħaddu qishom gaffa minn fuq ir-rieda tal-poplu li jipproteġi l-ambjent u l-kwalità tal-ħajtu.

L-appell sar minn dawn li ġejjin:

  • Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke
  • Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan
  • Il-Kunsill Lokali tas-Swieqi  
  • ACT Malta
  • Din l-Art Ħelwa
  • Flimkien għal Ambjent Aħjar
  • Friends of the Earth Malta
  • Moviment Graffitti
  • Nature Trust Malta
  • Rota
  • Sustainable Built Environment Malta
  • The Archaeological Society Malta
  • Għaxar residenti ta’ Pembroke u s-Swieqi

Bl-appoġġ ta’ BirdLife Malta u Ramblers Association.