Lokali

Żewġ Somali feruti wara ġlieda f’dar f’Raħal Ġdid

Il-Pulizija qed tinvestiga ġlieda li seħħet tard ilbieraħ bil-lejl f’Raħal Ġdid, fejn żewġ Somali spiċċaw feruti – wieħed minnhom bi ġrieħi gravi.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10:30pm meta wieħed mis-Somali, li għandu 30 sena, mar l-Għassa ta’ Raħal Ġdid u rrapporta li ftit ħin qabel, waqt li kien f’residenza fi Triq tal-Borġ, kellu argument ma’ raġel ieħor.

Il-Pulizija marru fil-post u minn investigazzjoni preliminari rriżulta li r-raġel kellu argument ma’ Somalu ta’ 26 sena. Waqt dan l-argument, allegatament, intużaw armi li jaqtgħu u bil-ponta.

Minħabba li ż-żewġt irġiel weġġgħu, il-Pulizija talbet għall-assistenza medika u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Aktar tard, is-Somalu ta’ 26 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-ieħor sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.