Lokali

AĠĠORNATA BIL-FILMAT: Nirien jaħkmu dar f’San Pawl tat-Tarġa

Għall-ħabta tal-4.30 tal-Erbgħa waranofsinhar, nirien ħakmu residenza fin-Naxxar bil-konsegwenza li spiċċat inqerdet il-parti ta’ wara tal-istess residenza, inkluż il-kamra tal-bejt

Flimkien mal-Pulizija flimkien ma’ ambulanza bħala prekawzjoni, immedjatament fuq il-post waslu membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jitfu nirien li ħakmu dar fi Triq Sir Arturo Mercieca, fl-inħawi ta’ San Pawl tat-Tarġa.

Ritratt: Matthew Tabone

Minn informazzjoni li kiseb Net News jidher li l-ebda persuna ma’ weġġgħet f’dawn in-nirien bil-pulizija tad-Distrett tan-Naxxar għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.

Ritratt: Matthew Tabone

S’issa għadha mhix magħrufa l-kawża ta’ dawn in-nirien li ħalla ħsarat konsiderevoli fir-residenza, b’għadd ta’ twieqi mkissrin u saħansitra nħarqet kompletament il-kamra tal-bejt filwaqt li l-pannelli ġarrbu ħsarat konsiderevoli.

Ritratt: Matthew Tabone

Skont informazzjoni li kiseb Net News, jidher li n-nar beda min-naħa ta’ wara tad-dar u nfirex għall-parti tan-nofs tad-dar u għal fuq il-bejt, bir-residenti tad-dar kienu megħjuna biex jiġu evakwati hekk kif inqabdu fuq il-bejt.

Intant, bħala prekawzjoni ukoll inħarġu 5 ċilindri barra mir-residenza, liema ċilindri fortunatament ma ntlaħqux min-nirien.

Ritratt: Matthew Tabone

Ikkummenta