Internazzjonali

Akkużat dwar massakru ta’ priġunieri fl-Iran li jmur lura għall-1988

Il-prosekuturi fl-Iżvezja akkużaw raġel Iranjan dwar reati tal-gwerra b’konnessjoni mal-esekuzzjoni tal-massa ta’ priġunieri li seħħet fl-1988.

Is-suspettat ta’ 60 sena ma ssemmiex b’ismu iżda qed ikun identifikat bħala Hamid Nouri . Il-każ tiegħu imur lura għall-1988 meta l-Iran kien qed jiġġieled gwerra mal-Iraq u meta l-Mexxej Suprem Iranjan ta’ dak iż-żmien, l-Ayatollah Ruhollah Khomeini, kien ordna li jinqatlu numru kbir ta’ priġunieri b’rabtiet ma’ grupp tal-Oppożizzjoni armat alleat mal-Iraq.

Is-suspettat kien qed jaħdem f’ħabs qrib Tehran, il-kapitali tal-Iran, bl-avukati tiegħu jgħidu li hu qiegħed jiċħad għall-akkużi.

Il-gruppi tad-drittijiet umani ilhom imexxu kampanja biex issir il-ġustizzja għall-esekuzzjonijiet li twettqu madwar l-Iran u fejn hu kkalkulat li nqatlu mal-5,000 persuna. Il-prosekuturi, intant, setgħu iressqu l-każ tagħhom fuq il-prinċipju ta’ ‘ġurisdizzjoni universali’ għal reati serji.

Il-qtil tal-massa reġgħu ngħataw prominenza wara li Ebrahim Raisi, ix-xahar li għadda, kien elett President tal-Iran. Raisi, li jieħu l-poter uffiċjalment f’Awwissu, kien wieħed minn erba’ maġistrati li mexxew tribunali sigrieti li twaqqfu fl-1988 bil-għan li ‘jgħaddu ġuri mill-ġdid’ lill-eluf ta’ priġunieri għall-attivitajiet politiċi tagħhom.