Lokali

Il-Ministru Anton Refalo mhux jikkommetti ruħu

Fi ftit tal-jiem oħra mistennija toħroġ l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Inkjesta li bdiet iktar minn sentejn wara li seħħ dan il-qtil.

Iżda hekk kif ninsabu ftit sigħat ‘l bogħod milli joħorġu l-konkluzjonijiet ta’ din l-inkjesta, il-Ministru Anton Refalo ma riedx jikkommetti ruħu li jsegwi dak li mistenni joħroġ.

Is-sehem li kellu l-Prim Ministru Robert Abela f’din l-inkjesta pubblika kien deskritt bħala wieħed li ried ixekkel il-ġustizzja milli tieħu l-kors naturali tagħha. Filfatt il-kampanja ta’ kontinwità u r-retorika ta’ indħil tal-Gvern Laburista, mmexxija minn Robert Abela, ingħatat bidu sa minn qabel ma’ nħatar bħala suċċessur tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan hekk kif fl-2018, meta kienet qed issir pressjoni sabiex tinfetaħ l-inkjesta pubblika mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia huwa saħaq li uliedha kienu aktar interessati jagħmlu isem ħażin lil Malta barra minn xtutna milli jsibu l-id wara l-qtil ta’ ommhom. Dan filwaqt li kompla jixħet dell ikrah fuqhom hekk kif kien insista li l-familja Caruana Galizia kellha agenda politika.