Internazzjonali

Ċina: Sinjali li qed tinbena bażi oħra għall-missili nukleari

Numru ta’ xjenzati fl-Istati Uniti qalu li ċ-Ċina qed tibni bażi ġdida għall-missili nukleari lejn il-punent tal-pajjiż – b’din l-aħbar toħroġ fi żmien meta l-Istati Uniti u r-Russja qegħdin jippreparaw sensiela ta’ taħditiet bilaterali rigward il-kontroll tal-armamenti.

Ritratti meħudin mis-satellita u li kkonċentraw fuq il-provinċja Ċiniża ta’ Xinjiang jissuġġerixxu li s-sit inkwistjoni kapaċi jżomm mal-110 silo għall-missili ladarba l-proġett ikun konkluż.

Intant, din l-informazzjoni tinkwadra f’rapport speċjali li ħejjiet il-Federation of American Scientists (FAS).

L-Uffiċjali tad-difiża Amerikani qed jisprimu l-inkwiet tagħhom dwar l-istakkament ġdid ta’  materjal nukleari min-naħa taċ-Ċina – fost sinjali li l-bażi inkwistjoni ( jew silo field) hi t-tieni waħda  fil-punent tal-pajjiż li għadha fil-fażi ta’ kostruzzjoni. Din il-bażi ssemmiet ukoll bħala ‘it-tieni waħda’ li beda x-xogħol fuqha fil-punent taċ-Ċina f’dawn l-aħħar xahrejn.

Matul ix-xahar li għadda, il-gazzetta Washington Post kienet irrappurtat ‘dehra ta’ 120 silo’ f’zona ta’deżert f’Yumen, fil-provinċja ta’ Gansu.

Issa, l-FAS sostniet li s-sit ġdid f’Hami, lejn il-majjistral ta’ Yumen, jinsab f’fażi ta’ żvilupp ħafna aktar bikrija –  u meta s-sena l-oħra, l-Istati Uniti wissiet li ċ-Ċina kienet qed tħejji biex ‘tirdoppja’ l-ammont ta’ warheads nukleari.

Intant, it-taħditiet imminenti bejn ir-Russja u l-Istati Uniti qed jitqiesu bħala l-ewwel pass lejn ‘qawmien ġdid tad-djalogu u negozjati’ bejn il-pajjiżi rigward it-tnaqqis tal-armi nukleari.

Iżda jibqa’ il-fatt li ċ-Ċina, għalissa, ma ħaditx sehem fin-negozjati għall-kontroll tal-armamenti.,

Il-US Strategic Command, li jifforma parti integrali mid-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, ukoll tenna tħassib dwar l-aħħar attivitajiet nukleari miċ-Ċina.

Il-kelliema Amerikani, fl-istess ħin, irreferew ‘għat-theddida li qed tiżviluppa għad-dinja  kollha’ u b’mod partikulari, ‘għas-segretezza kbira madwarha’.