Internazzjonali

Covid-19: L-ebda kwarantina għan-nies bit-tilqima li jivvjaġġaw lejn l-Ingilterra mill-UE u l-Istati Uniti

Il-passiġġieri li jkunu ħadu t-tilqima sħiħa kontra l-Covid-19 mhumiex se jkollhom aktar ħtieġa li jqattgħu żmien fi kwarantina ladarba huma jivvjaġġaw lejn l-Ingilterra mill-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Fil-preżent, in-nies fir-Renju Unit li jaqgħu fil-kategorija ta’ ‘fully vaccinated’ mgħandhomx għalfejn jiżolaw lilhom infushom meta jkunu qed jivvjaġġaw mill-pajjiżi fuq il-lista ‘amber’ —  ħlief bl-eċċezzjoni ta’ Franza.

Sadanittant, l-eżenzjoni għall-passiġġieri mhix valida għall-persuni li tlaqqmu kontra l-Covid barra r-Renju Unit.

Il-kumitat tal-Covid Operations tal-Gvern Britanniku wasal għad-deċiżjoni importanti biex il-passiġġieri mlaqqmin mill-UE u l-Istati Uniti ma jkunux aktar suġġetti għall-kwarantina waqt laqgħa li saret aktar kmieni llum.

Intant, mhux magħruf meta d-direttiva għandha tidħol fis-seħħ inkella jekk l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq għandhomx jintroduċu wkoll din l-eżenzjoni.

Dan meta l-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, qalet li pajjiżha, l-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq qegħdin jiddiskutu l-kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar għall-futur.

L-Industrija tal-Ivvjaġġar kienet ilha tinsisti għal bidla fir-regoli tas-sigurtà dovuti għall-Covid bil-għan li n-nies li qed jgħixu barra jsibuha eħfef biex imorru r-Renju Unit għall-btajjel jew biex iżuru lill-għeżież tagħhom.

Intant, u għalkemm iċ-ċittadini mill-Istati Uniti se jkunu jistgħu jevitaw il-kwarantina fl-Ingilterra, huma qed ikunu mħeġġa biex ma jivvjaġġawx lejn ir-Renju Unit mis-Centers for Disease Control and Prevention – li hi l-aġenzija Amerikana għall-protezzjoni tas-saħħa.

Fl-istess ħin, il-fruntiera tal-Istati Uniti hi magħluqa għar-Renju Unit kif ukoll għal ħafna pajjiżi oħra – ħlief għal ċittadini Amerikani.