Edukazzjoni Lokali

Elenkati diversi diffikultajiet għall-edukaturi

Sħarriġ li sar mill-MUT u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, bl-assistenza tal-Professur Mark Borg elenka l-isfidi li ta’ kuljum qed jaffaċċjaw l-edukaturi.

F’konferenza li saret l-Erbgħa filgħodu ssemmew diversi diffikultajiet u sfidi li l-għalliema u dawk kollha li jaħdmu fis-settur tal-edukazzjoni qed jiltaqgħu magħhom. Fosthom stress, bidliet li seħħew fi żmien relattivament qasir, riformi, nuqqas ta’ rispett u kif ukoll nuqqas ta’ riżorsi.

Dwar dan tkellimna mal-Professur Mark Borg fejn spejegalna li dan l-istħarriġ ħares lejn aspetti differenti tas-settur tal-edukazzjoni f’pajjiżna.

Fil-messaġġ tiegħu waqt din il-koferenza, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli qal li  jekk l-istudent, għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kull strateġija edukattiva, daqstant ieħor it-tisħiħ tal-edukaturi, għandu jkun il-pilastru ewlieni li fuqu trid tistrieħ l-istrateġija ta’ pajjiżna.

Huwa tkellem fuq l-importanza li jkun hemm rispett u rikonoxxomient mis-soċjeta għall-ħidma imprezzabbli tal-edukaturi. Zied jgħid li f’dinja diġitali li qed ngħixu fiha llum  għandu jkun hemm viżjoni għall-futur f’dan ir-rigward.

Dwar is-snin bikrin, huwa qal li wieħed jaf li l-ewwel snin tal-ħajja huma kruċjali fil-formazzjoni tal-istudent għalhekk hemm bżonn li jkun hemm strateġija li tħares lejn il-pedament. Dak li jimpatta tajjeb jew ħażin lill-edukatur, jimpatta bl-istess mod lill-istudenti.

Clyde Puli qal li jekk irridu li uliedna jirnexxu, jeħtieġ li jkun hemm individwi kif ukoll sistema kompetenti, policies tajbin u implimentazzjoni tajba ta’ dawn il-policies.  Huwa żied jgħid li huwa importanti li wieħed jaħseb u jfassal qabel ma jaġixxi, għax b’hekk biss pajjiżna jista’ jkollu edukazzjoni ta’ kwalità għolja.

B’reazzjoni għal dan l-istudju, il-Union tal-Għalliema, l-MUT saħqet li dawn id-dokumenti ma jistgħux jibqgħu jitpoġġew fuq l-ixkaffa mingħajr ma tittieħed ebda azzjoni.

L-MUT se tkun qed tagħmel pressjoni fuq il-Gvern sabiex jieħu azzjoni immedjata u se tkun qed tipproponi li jitwaqqaf action group li jinkludi fih rappreżentanti mill-Ministeru għall-Edkazzjoni, l-MUT kif ukoll il-partijiet konċernati sabiex issir analiżi tar-riċerka u jkunu proposti soluzzjonijiet meħtieġa.