Lokali Turiżmu

Il-Gvern jippjana biex ixolji l-kumpanija li fetaħ Konrad Mizzi

Inċertezza fost il-ħaddiema dwar il-futur tagħhom mal-Malta Aviation Services

NET News huwa infurmat li l-Gvern qiegħed jikkonsidra li sa Ottubru li ġej ixolji kumpanija li ħoloq l-eks Ministru Laburista, Konrad Mizzi, biex ineħħi l-impjegati minn mal-Air Malta.

Il-Malta Aviation Services twaqqfet f’Settembru tal-2017, 3 xhur wara li tela’ Gvern Laburista, sabiex tibda tieħu ħsieb is-servizzi tal-ground handling tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.

Jidher li meta saret il-qasma bejn l-Air Malta u l-AirMalta Aviation Services, it-tmexxija indunaw li l-AAS ma kinitx se tvinċi waħidha u għalhekk mexxew lil uħud mill-ħaddiema b’mod selettiv lura mal-Air Malta, filwaqt li l-oħrajn qegħdin fil-limbu dwar il-futur tagħhom.

Dan hekk kif huma inċerti jekk humiex se jgħaddu fuq il-kotba tal-privat jekk l-Aviation Services tinxtara u x’kundizzjonijiet se jkollhom jekk il-privat ikun irid iżommhom jew jinstabilhomx xi impjieg ieħor mal-Gvern.

Minkejja li dawn il-ħaddiema bdew jirrappurtaw għax-xogħol mal-Aviation Services, jidher li l-paga baqgħet tinħarġilhom mill-Air Malta iżda jidher li l-kumpanija se tkun kostretta tkeċċi xi ħaddiema sabiex il-Kummissjoni Ewropea tagħti konċessjoni lill-Gvern Malta għal State Aid lil-linja nazzjonali tal-ajru.