Lokali

Il-vjolinista Maria Cini toħroġ l-ewwel kanżunetta tagħha bl-isem ‘Not Enough’

Maria Cini, il-vjolinista li għandha 23 sena, ħarġet l-ewwel diska tagħha li ġġib l-isem ta’ ‘Not Enough’. Cini tgħid li “din il-kanżunetta titkellem dwar kif kultant inħossuna mhux apprezzati f’relazzjoni u nippermettu ċerta mġieba li mhux neċessarjament hija tajba.”

Maria Cini qalet li illum il-ġurnata, in-nies jippretendu li jafu l-imħabba, meta fil-fatt qatt ma esperjenzawha. Fl-aħħar, m’hemm xejn aħjar milli titkellem u tesprimi s-sentimenti tiegħek, tirrifjuta li tkun ittrattat ħażin, u tkun taf il-valur tiegħek .

Maria Cini stqarret li minn dejjem xtaqet li tinkorpora l-kant u d-daqq tal-vjolin flimkien u fl-aħħar din il-ħolma saret realta’.

Maria Cini ilha ddoqq il-vjolin għal dawn l-aħħar 15-il sena u ilha tkanta minn eta`żgħira ħafna. Madwar 10 snin ilu, meta kellha madwar 12 -il sena, Cini għażlet li ddoqq f’kunċert kontra l-bullying organizzat minn Ira Losco u minn hemm hija rrealizzat li verament tħobb il-mużika.

Maria Cini kienet ukoll preżentattriċi tal-programm tat-television ‘Arani Issa’ għal sitt snin sħaħ, u wara ddeċidiet li ssegwi l-mużika bħala xogħol part-time.

Hi kellha wkoll l-opportunità li tkun parti minn numru ta’ orkestri f’Malta, bħal Malta Youth Orchestra u l-Malta Concert Orchestra.

Maria Cini tirrimarka li is-sena l-oħra, minħabba l-pandemija, ġie organizzat festin fit-triq tad-dar tagħha u waqt dan il-festin Cini daqqet il-vjolin. “Dan sar virali u n-nies rieduni nżur it-triq tagħhom u ndoqq għalihom, li onestament kienet esperjenza tassew inkredibbli. Wara li rajt rispons daqshekk kbir, iddeċidejt li napplika għal Malta’s Got Talent li kienet esperjenza tal-għaġeb oħra u għennitni ħafna fil-karriera tiegħi.”

Filwaqt li din il-kanżunetta ser tkun qed tinstema fuq ir-radji lokali, il-filmat ta’ din il-kanżunetta ser jibda jintwera minn nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Lulju.