Lokali Qorti

Investigaturi tal-Pulizija se jixhdu fil-każ kostituzzjonali dwar il-pleġġ ta’ Yorgen Fenech

L-investigaturi ewlenin tal-Pulizija li jittrattaw il-każ fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia se jkunu qed jixhdu x-xahar id-dieħel f’każ Kostituzzjonali ppreżentat mill-avukati ta’ Yorgen Fenech dwar ir-rifjuti ripetut tal-qrati li jagħtuh il-libertà proviżorja.

Fi proċeduri separati li għaddejjin bħalissa, Fenech huwa akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-2017 tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fl-applikazzjoni Kostituzzjonali ppreżentata fil-bidu tal-każ, Fenech sostna li huwa kien qatta ’aktar minn 500 ġurnata f’kustodja waqt li kien għadu preżunt innoċenti, fuq raġunijiet li ma kellhom l-ebda bażi fil-liġi u li kienu antikostituzzjonali.

L-avukat ta’ Fenech, Charles Mercieca, iddikjara l-provi tal-attur magħluqa llum, wara li sejjaħ rappreżentant tal-Qorti biex jesebixxi kopji ta’ diversi talbiet ta’ pleġġ magħmula minn Fenech u d-digrieti tagħhom.

Id-dokumenti jinkludu żewġ applikazzjonijiet għal pleġġ f’Diċembru 2019 u Lulju 2021, traskrizzjoni tax-xhieda mogħtija mill-kaptan Logan Woods quddiem il-Maġistrat Montebello f’Awwissu 2020, kif ukoll minuti ta’ seduta tal-Qorti, fost dokumenti oħra.

Fi tmiem seduta qasira, l-Imħallef Miriam Hayman ordnat lill-Avukat tal-Istat konvenut biex flimkien mal-familja Caruana Galizia, biex issejjaħ ix-xhieda kollha tagħhom fis-seduta li jmiss. Fil-Qorti ntqal li t-tliet xhieda li kien għad fadal kienu l-investigaturi Is-Supretendent Keith Arnaud, l-Ispettur Kurt Zahra u Logan Woods, possibilment ukoll l-iskipper tal-Gio, il-jott ta’ Yorgen Fenech.

Il-Qorti ordnatilhom isejħu t-tliet xhieda għas-seduta li jmiss, li se ssir fl-20 ta’ Awwissu. L-Avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru għal Yorgen Fenech. L-Avukat tal-Istat Chris Soler irrappreżenta lill-Gvern.