Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

L-għajnuna tal-wage suppliment se tibda titneħħa

Hekk kif pajjiżna għadu għaddej mill-pandemija tal-COVID…. il-Gvern ħabbar li mhux in-negozji kollha se jibqgħu jingħataw l-għajnuna tal-wage suppliment sħiħa sal-aħħar tas-sena. Dan wara li fl-aħħar xhur kienu ħafna dawk li spiċċaw mingħajr xogħol jew b’sigħat imnaqqsa.

F’laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret fost il-membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, kienet deċiża s-sistema li biha se jibqgħu jkunu mgħejuna xi negozji …u jkun implimentat it-tnaqqis gradwali tal-wage supplement.

F’din il-laqgħa kien spjegat kif se jkunu biss l-aktar kumpaniji milquta, b’impatt ta’ 55% jew aktar, li se jibqgħu jirċievu s-suppliment tal-paga sħiħ sal-aħħar tas-sena.

Ġie deċiż ukoll li l-wage supplement se jibqa’ jingħata sa l-aħħar tas-sena għall-kumpaniji l-oħra kollha, iżda minn Awwissu jibda t-tnaqqis gradwali tal-benefiċċju skont l-impatt fuq id-dħul tal-kumpanija. Dan it-tnaqqis gradwali se jkun maqsum f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi se tibda minn Awwissu, filwaqt li t-tieni fażi se tibda minn Ottubru u se tibqa’ sejra sal-aħħar tas-sena.