Lokali Qorti

Mixlija b’serq ta’ ċekk iffalsifikat li bih xtrat brazuletta ta’ aktar minn €4,000

Fattigia ta’ 39 sena mir-Rabat u residenti Marsaxlokk li hija magħrufa sew mal-Pulizija inżammet taħt arrest preventiv wara li ġiet mixlija li serqet ċekk vojt ta’ anzjana ta’ 62 sena u li bih xtrat brazuletta li tiswa €4,400. Hija ġiet mixlija wkoll li ffrodat anzjan ta’ 75 sena, b’aktar minn €3,000.

Fil-każ ta’ Tania Borg, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras laqgħet ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tagħha. L-Avukat Kevin Dingli qal li Borg hija vittma ta’ użura u għamel talba għal libertà proviżorja.

Qal li z-zija tagħha lesta biex tagħmel tajjeb għad-dannu li wettqet lis-sid tal-ġojjelerija ta’ min fejn inxtrat il-brazuletta. Tenna li għandha tliet tliet ulied minorenni li wieħed minnhom għandu l-birthday il-Ħamis 29 ta’ Lulju. Kompla jgħid li missier l-imputat diġa ħallas somma lil wieħed minn dawk li kien sellef il-flus lilha bl-użura u li hija ikkoperat mal-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Matthew Grech u Andy Rotin oġġezzjonaw għall-pleġġ tal-mara fejn dawn qalu li din diġa’ ingħatat il-ħelsien mill-arrest tliet darbiet. Tenna li hemm il-biża li jiġu kontanimati l-provi. Qal li dawk iffrodati huma anzjani vulnerabbli u li l-akkużata mhux persuna affidabbli. Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet ċaħdet it-talba minħabba li għad irid jixhdu persuni pajżana. Hekk kif il-Qorti ċaħdet it-talba bl-imputata tittieħed lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, hija infaqgħet tibki u tgħid, ‘ara x’għamluli’.