Din il-ġimgħa mistenni jkolna żvilupp importanti fi storja ta’ uġigħ kbir u inġustizzja.
Għandhom jiġu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika fl-assassinju makabru ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll dwar ir-responsabbiltà tal-Istat fil-falliment milli jipprevvjeni milli jseħħ dan.
Li kieku ma kienx għax-xogħol kbir u għad-determinazzjoni ta’ familja straordinarja u dawk li tawhom is-sostenn, li kieku m’aħniex hawn.
F’artiklu ppubblikat fuq The Malta Independent, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li minn dakinhar li Daphne Caruana Galizia inqatlet b’karozza bomba, il-familja tagħha għamlet dak li wieħed lanqas biss jimmaġina.
Minflok ma ntefgħu f’kantuniera beżgħana u mgħerrqa fid-dulur tagħhom, huma xammru l-kmiem u bdew jaħdmu.
Kienu determinati li mhux biss jiksbu l-ġustizzja għall-qattiela tal-għażiża tagħhom, iżda li jaraw li dan ma’ jerġa’ qatt iseħħ.
Irriffjutaw li jaraw li ommhom, oħthom, marthom, binthom… tkun mietet għalxejn.
Kienu jafu li Malta kellha tinbidel u ħalfu li jagħmlu dak kollu possibbli biex dan isir.
Bernard Grech kiteb kif hu tilef lil kuġintu Karen Grech f’assassinju polltiku vjolenti snin ilu, u kif il-familja tiegħu ukoll iġġieldet għall-ġustzzja, iżda sfortunatament kien kollu għalxejn.
Hu għalhekk, kiteb Grech, li meta nara lill-familja Caruana Galizia jegħlbu din l-isfida b’tant sodezza ta’ karattru, ċarezza fil-ħsieb u determinazzjoni kbira, inħossni mċekken.
Wara snin jitolbu li ssir inkjesta pubblika, il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia poġġew ma’ mejda u nnegozjaw it-termini ta’ din l-inkjesta mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, bl-għarfien li dan seta’ kien qed jipproteġi lill-qattiela, u waqt li ta’ kull xahar kien qed ikaxkar ix-xemgħat u l-fjuri fuq il-mafkar tagħha.
Dak li għaddiet minnu l-familja Caruana Galizia waqt ħajjet Daphne kien diżgustanti, imma dak li għaddew minnu wara kien ħażen pur imħallas mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi, jikteb Bernard Grech.
Għaldaqstant ir-reazzjoni tagħna għall-inkjesta se tkun li naħdmu qatigħ biex ir-rakkomandazzjonijet ta’ din l-inkjesta jkunu mwettqa kemm jista’ jkun malajr.
Bernard Grech jgħid li l-Partit Nazzjonalita diġà kiteb lill-Gvern fejn talbu li jsir sforz bejn iż-żewġ partiti sabiex titfassal leġiżlazzjoni skont il-bżonn, u saħaq li bħala Partit jinsab determinat li jwassal il-proċess għall-konklużjonijiet li jistħoqqlu.
Nafuh lilna nfusna. Nafuh lil pajjiżna u lil uliedna.
Jeħtieġ li nkunu l-awturi tad-destin tagħna u niktbu kapitlu ġdid għal Malta flimkien.
Anke jekk il-Gvern jibqa’ jirriffjuta li jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista f’din il-ġlieda, bħal ma diġà għamel, il-Partit Nazzjonalista se jgħola ‘l fuq mill-politika infantili u se jinsisti fuq bidla dejjiema fil-pajjiż.
Jekk il-familja Caruana Galizia kienu kapaċi jagħmlu dan minn dakinhar li raw lil ommhom assassinata f’għalqa, nistgħu nagħmluh aħna wkoll.
Bernard Grech temm l-artiklu tiegħu bil-kliem “aħna hawn biex inservu u biex immexxu bl-eżempju”.
//= $special ?>