Lokali Qorti

Omm u binha mixlija li ħebbew għal uffiċjali tal-LESA

Omm ta’ 66 sena u binha ta’ 25 sena minn San Pawl il-Baħar ġew mixlija quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li nhar it-Tlieta, 27 ta’ Lulju għall-ħabta tal-1045am. ħebbew għal żewġ uffiċjali tal-LESA. Huma ġew mixlija wkoll li ferew ħafif wieħed minnhom.

Helen Spiteri u Charlo Spiteri ġew mixlija li wettqu dawn ir-reati fi Triq San Franġisk, f’San Pawl il-Baħar stess. Huma ġew mixlija li għamlu reżistenza bi vjolenza fil-konfront tal-uffiċjali, li wettqu reat bil-ħsieb li jbeżżgħu persuni nkarigati fil-qadi ta’ dmirijiethom u li kisru l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

L-avukat Lennox Vella għamel talba għal liberta proviżorja tal-akkużati li ma kellha l-ebda oġġezzjoni mill-Ispettur Ryan Vella. Il-Qorti laqgħet it-talba taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jkellmux jew b’xi mod jagħmlu kuntatt mal-allegati vittmi, li jagħmlu depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,500 u jiffirmaw darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Qawra.