Lokali

Appell biex jiġu protetti l-ġurnalisti u l-awturi

PEN Malta li tiġbor fiha numru ta’ awturi, bloggers, u ġurnalisti… esprimit id-diżappunt tagħha, wara li fil-qorti ġie żvelat kif il-persuna implikata bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, kien ippjana wkoll biex jiftaħ kawża kontra l-ġurnalist u attivist Manuel Delia fir-Renju Unit.

Dan il-pjan kien  immirat biex jirrovina finanzjarjament lil Manuel Delia u jwaqqaf ir-rappurtaġġ tiegħu. Tant illi ġie mfassal bl-għajnuna ta’ avukati fir-Renju Unit.

Waħda mir-raġunijiet li l-kawża qatt ma mxiet ‘il quddiem hija minħabba li Fenech spiċċa arrestat u akkużat b’komplicita fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-Qorti, it-Tlieta, spikka wkoll il-fatt li Yorgen Fenech kien qabbad ukoll kumpanija legali biex tieħu passi kontra l-MEP David Casa, it-Times of Malta u Lovin Malta.

Fid-dawl ta’ dan kollu, PEN Malta appellat lill-awtoritajiet Maltin biex jimplimentaw leġiżlazzjoni kontra SLAPP u biex jipproteġu kittieba u attivisti Maltin mingħajr aktar dewmien.