Lokali Qorti

Probation b’differenza fuq ‘hold-up’ wara li rabba l-għaqal

Raġel ta’ 49 sena minn Birżebbuġa li kellu problemi tad-droga u li issa huwa ħieles minn dan il-vizzju ammetta li fit-8 ta’ Diċembru tal-2018, huwa kkommetta ‘hold-up’ b’pistola f’ħanut tal-merċa f’Santa Venera u seraq €500.  Huwa ammetta wkoll li kellu fil-pusses tiegħu arma u munizzjon mingħajr liċenzja u li sar riċediv.

Il-Qorti poġġiet lil Themistocles Attard taħti ordni ta’ probation u mmultatu €698.81 dan wara li rat l-ammissjoni tiegħu u r-rapport tal-uffiċjal tal-probation Odelsie Vella Bayliss fejn din kienet qed isegwi lill-imputat tul il-proċeduri kollha u rrappurtat li llum il-ġurnata Attard huwa ħieles mill-vizzju tad-droga u fejn huwa stess talab għal sessjonijiet ma’ psikologu sabiex jiddiskuti xi affarijiet personali tiegħu.

L-uffiċjal tal-probation qalet ukoll li l-imputat għandu mpieg fiss iżda wkoll qed jaħseb biex jibda negozju għal rasu. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li kkunsidrat il-fatt li għalkemm ir-reati li kkommetta l-imputat huma serq bi vjolenza, dawn xorta waħda ma jaqbżux il-parametri tas-sebgħa snin priġunerija u għalhekk tista’ teskludi li timponi piena karċerarja u għalhekk imponiet piena retributorja taħt il-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta.

L-imputat ġie ordnat iħallas l-ispejjeż lil sid il-ħanut għas-somma ta’ €440.60. Dan il-każ kien qajjem ċerta nteress waqt il-provi meta l-Qorti kienet semgħet li Attard kien raġel offra lil sid il-ħanut sess ma’ żewġ nisa differenti minflok ħlas għal oġġetti mill-ħanut tiegħu.

Skont l-istess sid il-ħanut il-klijent kien mar hemm tliet darbiet u kien fit-tielet darba fit-8 ta’ Diċembru, ta’ tliet snin ilu għall-ħabta tas-7.00pm.  fejn kien hemm li daħal bl-arma tan-nar fil-ħanut. Waqt id-difiża tiegħu l-imputat kien stqarr li qed jiġġieled problema tad-droga u li kellu l-mara li ilha snin marida serjament. Sid il-ħanut kien qal fil-kumpilazzjoni li Attard l-ewwel daħal fil-ħanut u għażel oġġetti li jiswew madwar €6.

Attard qal li ma kellux biżżejjed flus biex ħallas iżda offrielu sess ma ’mara li sostna li kienet martu. Is-sid tal-ħanut irrifjuta u qallu biex jitlaq mill-ħanut tiegħu. Il-qorti kienet semgħet kif Attard kien imbagħad irritorna fil-ħanut ma’ mara oħra, u reġa’ offra relazzjonijiet sesswali, din id-darba bi skambju għal flixkun  Jack Daniel’s, bis-sid tal-ħanut jerġa’ jirrifjuta t-talba. Attard mar lura fil-ħanut b’oġġett iswed f’idu.

Sid il-ħanut qal ukoll aktar tard dik il-lejla, l-istess raġel daħal fil-ħanut iżomm oġġett iswed f’idu, x’aktarx l-arma. Waqt li tah struzzjonijiet biex ma jiċċaqlaqx,  Attard allegatament mar fuq il-bank u telaq bil-cash register tal-ħanut li kien fih madwar €500 fi flus kontanti u fidda.

Il-Pulizija kienu segwuh, u kkonfermaw l-identità tiegħu mir-reġistrazzjoni tal-karozza li telaq biha. L-akkużat ikkopera mal-Pulizija, li  kien wrihom fejn kien iddispona mill-cash register misruq. Meta kien tressaq il-Qorti Themistocles Attard kien beka’ u beda jagħti fuq rasu meta ġie infurmat li kien se jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Fabian Fleri u l-Ispetturi Lydon Zammit u Stacy Attard. Għal Attard deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.