Rapport: Stewart Said
SAN ĠILJAN MERCURY……. 10
SLIEMA FRANK SALT………… 9
(3-0), (4-4), (0-2), (3-3)
Deskritta bħala l-aħjar logħba tal-istaġun sa issa. San Ġiljan Mercury Towers irnexxielhom joħorġu rebbieħa f’logħba ta’ żewġt uċuħ. San Ġiljan kellhom il-kontroll assolut tal-logħba iżda wara li sofrew l-ewwel gowl, Sliema rnexxielhom jidħlu fil-logħba. Il-logħba kienet partikolari wkoll hekk kif għamel id-debutt fil-lasta Ryan Coleiro, inċidentalment kontra l-eks tim tiegħu. Dan wara li l-gowlkiper regolari Jake Tanti weġġa’ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u mistenni jdum barra għal ġimgħat.
Dino Zammit u doppjetta ta’ Andreas Galea taw vantaġġ ta’ 3-0 lil San Ġiljan fl-ewwel sessjoni. Il-vantaġġ saħansitra kiber għal 6-0 u sa dak il-ħin kellhom attakk miċidjali, difiża soda u bdew iġibu fix-xejn lil Sliema. Iżda l-gowl ta’ Matthew Mifsud fit-tieni nofs tat-tieni sessjoni donnu nissel fiduċja li jistgħu jinfdu lid-difiża avversarja. Wara li Matthew Zammit għamilhom 7-1, Sliema skorjaw tliet darbiet sa tmiem is-sessjoni u qatgħu d-distakk bin-nofs.
It-tmiem tat-tieni sessjoni kompla jagħti kunfidenza lis-Slimiżi u tul it-tielet sessjoni kienu l-aħjar tim. Il-gowls ta’ Jerome Gabarretta mis-centre u Matthew Mifsud fuq l-ewwel lasta, poġġew il-pressjoni fuq San Ġiljan li lanqas bdew ikunu perikolużi biżżejjed fl-attakk.
L-aħħar sessjoni kienet intensa u pjuttost diffiċli għar-referees biex jikkontrollaw, biż-żewġ timijiet jipprotestaw mhux ftit għal diversi deċiżjonijiet. Sliema rnexxielhom iġibu d-draw darbtejn fis-sessjoni iżda qatt ma marru fil-vantaġġ. Matthew Zammit reġa’ poġġa lil San Ġiljan minn fuq bit-tielet gowl personali u Ben Plumpton rdoppja l-vantaġġ bi ġmiel ta’ backhand, fi kliem ieħor, l-isbaħ gowl tal-logħba. Bugelli naqqas id-distakk mill-ewwel u ħalla lis-Slimiżi jittamaw iżda fl-aħħar attakk tal-logħba ma rnexxielhomx jikkonkludu fix-xibka.
San Ġiljan: R. Coleiro, D. Zahra, A. Galea (2), D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (3), B. Plumpton (1), J. Bonavia, D. Ciantar, Da. Zammit, K. Galea, Di. Zammit (3), G. Vassallo, M. Ortoleva (1)
Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (2), L. Galea, M. Meli, B. Cachia (1), N. Schiavone, M. Mifsud (2), J. Brownrigg (1), J. Gambin, Z. Mizzi (1), N. Bugelli (2), Z. Sciberras
Referees: Ronnie Spiteri, Peter Balzan
Jaċċertaw fit-tielet sessjoni
NEPTUNES…………………….. 14
VALLETTA IZIBET……………. 8
(1-1), (5-3), (5-1), (3-3)
Neptunes kisbu dak li ħadmu għalih b’rebħa ta’ 14-8 kontra Valletta Izibet. Fil-verità żammew mal-previżjoni iżda kien biss meta fetħu distakk ta’ żewġ gowls li kkmandaw l-andament tal-logħba, b’Valletta juru sinjali pożittivi għal tal-anqas nofs il-logħba.
Kienu Valletta li fetħu l-iskor permezz ta’ Nikolai Zammit iżda Stevie Camilleri ġab id-draw. Għal żewġ okkażjonijiet oħra, Valletta marru minn fuq b’doppjetta ta’ Miguel Zammit. Jake Muscat poġġa lil Neptunes fil-vantaġġ għall-ewwel darba, b’Marco Mannino jġib id-draw.
Iżda doppjetta ta’ Jake Muscat poġġiet lil Neptunes 6-4 minn fuq fi tmiem it-tieni sessjoni. Dawn il-gowls wittew it-triq għar-rebħa hekk kif fit-tielet sessjoni, il-vantaġġ kiber għal 11-5, b’Muscat u Sam Gialanze jiskorjaw erba’ mill-ħames gowls fis-sessjoni. Bir-riżultat deċiż, Neptunes ikkontrollaw il-logħba, b’Miguel u Nikolai Zammit inaqqsu d-distakk għal sitt gowls lejn it-tmiem.
Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (5), L. Calleja, G. Pace, M. Castillo, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (3), J. Camilleri (1), J. Abela, M. Spiteri Staines (1), A. Fenech, S. Gialanze (4), A. Bugeja, J. Cachia, R. Galea
Valletta: R. Sciortino, P. Borg, E. Aquilina, M. Stellini, A. Agius, R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud, N. Farrugia, M. Zammit (3), N. Zammit (3), N. Lanzon (1), B. Muscat Dougal, K. Tanti, M. Mannino (1)
Referees: Massimo Angileri, Alex De Raffaele
Faċli għal Sirens
OTTERS NIVEA……………….. 2
SIRENS MECCA MARIN…. 12
(1-1), (0-3), (1-3), (0-5)
Rebħa faċli għal Sirens Mecca Marin, f’dik li kienet l-ewwel logħba għalihom fl-Ewwel Diviżjoni mill-1988. Il-prestazzjoni ma kinitx l-aqwa waħda għat-tim minn San Pawl il-Baħar iżda għamlu biżżejjed biex kisbu t-tliet punti kontra tim b’għanijiet differenti fil-klassifika.
Bidu kajman għal Sirens li kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 fl-ewwel sessjoni. Kien Luke Gialanze li fetaħ l-iskor għal Otters, b’Matthias Azzopardi jġib id-draw. Fit-tieni sessjoni, Sirens ħadu iktar kontroll tal-logħba u meritatament fetħu distakk ta’ 4-1 b’gowls ta’ Tristan Said, Isaiah Riolo u Jerome Zerafa Gregory.
Mingħajr xejn spettakolari, Sirens irnexxielhom jagħmlu ċert mir-rebħa fit-tielet sessjoni, bi tliet gowls oħra għal vantaġġ ta’ 7-2. Charlie Zammit skorja għal Otters. Fl-aħħar sessjoni, Sirens ixxalaw, bit-tim ta’ Otters jidher ftit għajjien u mhux kompatt.
Otters: M. Xerri, C. Spiteri Debarro, M. Lanzon, L. Hyzler, E. Meli, L. Gialanze (1), K. Scicluna, G. Mizzi, D. Dimech, C. Zammit (1), Z. Bartolo, O. Zammit, D. Spiteri
Sirens: G. Galea Curmi, M. Grech, K. Erdogan (1), J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia, M. Sciberras, I. Riolo (1), J. Napier (4), L. Falzon, L. Caruana, M. Azzopardi (2), O. Gauci, T. Said (2)
Referees: Stefan Licari, Richard Magri
//= $special ?>