Lokali

Bord tal-Gvern jivvota kontra li triq tissemma għal Miriam Pace

Il-Kumitat tal-Gvern dwar l-ismijiet tat-toroq ivvota kontra proposta biex triq f’Santa Venera tissemma għal Miriam Pace. Miriam Pace mietet f’ċirkostanzi traġiċi fit-2 ta’ Marzu 2020 meta xogħol ta’ tħaffir biswit ir-residenza tagħha fil-Ħamrun wassal biex id-dar tiġġarraf u tilfet ħajjitha taħt it-tifrik ta’ darha stess.

Kien il-Kunsillier tal-PN f’Santa Venera u kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Darren Carabott li ftit tax-xhur kien ippropona li triq f’Santa Venera tissemma għal Miriam Pace bħala tifkira. “jidher li l-Kumitat tal-Gvern għat-Tismija tat-Toroq ma riedx ifakkar il-memorja tagħha – u minflok, ivvutaw favur il-proposta tas-Sindku li jsemmuha “Triq l-Isportivi”, qal Darren Carabott f’post fuq Facebook.

“Ridt li din it-triq isservi ta’ monument ta’ kif is-sistema tal-ippjanar u żvilupp tagħna falliet lil din il-mara, lill-familja tagħha u lill-pajjiżna. Naf li Miriam Pace ħaqqha aktar minn isem ta’ triq. Iżda dan kien ikun ġest żgħir li biha nistgħu nkomplu nfakkru r-raġuni għalfejn mietet.” qal Carabott.

Il-Post ta’ Darren Carabott fuq Facebook

Iktar kmieni dan ix-xahar, żewġ periti instabu ħatja tal-qtil involontarju ta’ Miriam Pace iżda evitaw sentenza ta’ priġunerija wara li l-Qorti tal-Maġistrati kien ikkundannathom għal servizz fil-komunita’ u multa. Kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-periti involuti appellaw mis-sentenza.

Ikkummenta