Lokali Transport Turiżmu

F’Awwissu mbassar tnaqqis fl-ivjaġġar lejn Malta

Ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 imposti mill-Gvern Malti matul ix-xahar ta’ Lulju, ħallew impatt negattiv immedjat fuq l-ivjaġġar lejn pajjiżna.  Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg waqt il-preżentazzjoni taċ-ċifri tal-ajruport ghall-ewwel sitt xhur tas-sena.

Wara li ttieħdet id-deċiżjoni li kull min jidħol f’Malta jrid ikun imlaqqam bi sħiħ, awtomatikament kien hemm daqqa ghas-suq tat-turiżmu …fosthom qalb iż-żagħżagħ kif ukoll ta’ familji li uliedhom għandhom ‘il fuq minn 12-il sena u mhux imlaqqma.

Mistoqsi minn Net News, Alan Borg saħaq li ftit qabel is-Sajf, pajjiżna beda jara żieda fis-suq – iżda inevitabbilment f’Awwissu huwa mbassar li s-suq se jkompli jonqos…minkejja r-riżultati pożittivi f’Ġunju.

Ġie spjegat ukoll li filwaqt li skont stħarriġ mwettaq mill-Airport Council International, 25% tal-parteċipanti jippreferu jqattgħu l-vaganzi tagħhom għax-xemx u l-baħar, preżentament pajjiżna jinsab pass lura mill-kompetituri tiegħu fin-nofsinhar tal-Ewropa…. dan kawża tar-restrizzjonijiet, iżda mhux biss. Dan filwaqt li insista wkoll li l-Maltin donnhom għadhom kawti wkoll biex isiefru.

Tul il-konferenza, Alex  Cardona, Il-Kap tal-Iżvilupp tat-Traffiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, spjega li matul ix-xahar ta’ Ġunju pajjiżna ra madwar 50% tat-total ta’ ivvjaġġar li kellna fl-ewwel 6 xhur.

Hu saħaq li l-aktar ammont ta’ traffiku li wasal matul ix-xahar li għadda kien ġej mill-Italja, Ġermanja u Franza…issegwi l-Polonja….bl-aktar linja tal-ajru attiva tkun tar-Ryan Air li wettqet madwar 44% tal-vjaġġi.

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-MIA spjega li filwaqt li fid-dinja tal-lum il-Business Travel se jdum biex jirkupra…ankè minħabba t-teknoloġija, huwa importanti li pajjiżna jibqa’ kompetittiv u f’dan il-perjodu jħejji sabiex meta tintlaħaq ċertu normalità mill-ġdid il-pajjiż ikun lest.

Ikkummenta