Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ jinsisti li jisma’ biss ix-xhieda li jrid hu dwar Rosianne Cutajar

L-ebda żblokk fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards; l-Oppożizzjoni għandha 16-il xhud fosthom il-Prim Ministru u Yorgen Fenech

Ma kien hemm l-ebda żblokk fis-sitwazzjoni fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards dwar il-każ tas-senserija u l-ksur tal-etika tat-deputat Laburista Rosianne Cutajar bil-Gvern jibqa’ joġġezzjona li l-Oppożizzjoni tressaq ix-xhieda tagħha dwar dan il-każ.

Il-laqgħa li saret dalgħodu saret wara li l-aħħar laqgħa kienet sospiża mill-Ispeaker wara li ma kienx hemm qbil propju dwar dan.

Fil-kumitat ta’ dalgħodu d-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia rrappreżentaw lll-Oppożizzjoni waqt li l-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Whip Laburista Glenn Bedingfield rrappreżentaw lill-Gvern. Il-Kumitat kien presedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia

Fil-bidu tal-laqgħa d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li m’hemmx diffikulta li jkun hemm il-Kummissarju tat-Taxxi iżda l-Oppożizzjoni għandha 16-il xhud biex jidhru dwar dan il-każ. Glenn Bedingfield qal li l-ewwel xhud ikun il-Kummissarju tat-Taxxa u wara jkun hemm diskussjoni dwar jekk ikunx hemm ħtieġa ta’ iktar xhieda għaliex jista’ jkun li ma jkunx hemm bżonn iktar xhieda.

L-Ispeaker qal li fl-aħħar laqgħa ttieħed vot fejn kien rakkomanda li l-inkartament kollu jmur għand il-Kummissarju tat-Taxxi biex jirrapporta u wara l-kumitat jimxi minn hemm.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Ispeaker kien iddikjara li l-Kumitat jagħmel investigazzjonijiet addizzjonali u għalhekk din trid issir mill-Kumitat. Għalhekk wara l-Kummissarju tat-Taxxa jridu jinstemgħu iktar xhieda. L-investigazzjoni tal-Kummissarju tat-Taxxi mhix l-istess li kien qed jagħmel il-Kumitat u dwar jekk Rosianne Cutajar kellha ddaħħal l-ammont li ħadet fid-dikjarazzjoni tat-taxxa.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia sostniet li kull membru għandu dritt titressaq ix-xhieda u sosniet li l-Gvern irid iċaħħad lill-kumitat milli jtellgħu ix-xhieda biex jgħinu lill-kumitat jinvestiga. Hi kompliet li mhix lesta tabdika mill-obbligazzjonijiet tagħha skont il-liġi.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Ispeaker kien ta direzzjoni dwar din is-sitwazzjoni u sostna li hemm kwistjoni dwar taxxa kif ukoll dik tal-etika li hi marbuta mal-ħlas tat-taxxa għalkemm hi wkoll separata. Hu qal li l-ewwel jixhed il-Kummissarju tat-Taxxa u wara tittieħed deċiżjoni jekk ikunx hemm iktar xhieda.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ppropona lista ta’ xhieda fosthom Charles Farrugia ‘It-Tikka’, id-deputat Laburista Rosianne Cutajar, Joe Camilleri, l-avukat Pierre Lofaro, Yorgen Fenech, Raymond Fenech, in-nutar Mario Bugeja, id-deputat Laburista Ian Castaldi Paris, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Edward Zammit Lewis, Arnold Cassola u rappreżentanti tal-banek.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia sostna li l-ewwel kellu jixhed il-Kummissarju tat-Taxxi u għalhekk id-dokumentazzjoni kollha għandha tintbagħat għand il-Kummissarju tat-Taxxa.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li m’hemmx diffikultà li l-inkartament jintbagħat lill-Kummissarju tat-Taxxa għalkemm dan hu kollu pubbliku. Hi kkritikat il-pożizzjoni tal-Ispeaker u sostniet li li l-Ispeaker issa qed jgħid li jrid jisma’ lill-Kummissarju tat-Taxxa biex kif dan jgħid li qed jinvestiga, l-Kumitat ikollu jieqaf. Comodini Cachia sostniet li dan mhux aċċettabbli.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li ma jafx li għaddejja investigazzjoni oħra.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna li l-Ispeaker stess iddikjara li jsiru ivestigazzjonijiet addizzjonali u għalhekk il-Gvern ma jistax jimponi xhud wieħed. L-Ispeaker wieġeb li hu kien spjega li l-ewwel id-dokumentazzjoni tal-kumitat għandha tmur quddiem il-Kummissarju tat-Taxxa.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aqulina qal li l-Ispeaker kien għamel u-turn fil-pożizzjoni tiegħu bl-Ispeaker isostni li din id-dikjarazzjoni hi “paroli fil-vojt”. Therese Comodini Cachia sostniet li l-Ispeaker għandu jirtira dan id-diskors bl-Ispeaker jinsisti li lest jirtira d-diskors tiegħu jekk Karol Aquilina jirtira tiegħu.

L-Ispeaker qal li l-pożizzjoni tiegħu hi li l-ewwel jintbagħat l-inkartament lill-Kummissarju tat-Taxxa u wara l-kumitat jiddeċiedi jekk irid jisma’ xhieda oħra. Hu qal li għandu jingħata perjodu biex il-Kummissarju tat-Taxxa jitratta l-każ u wara jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Therese Comodini Cachia qalet li hemm qbil dwar l-investigazzjonijiet iżda l-Oppożizzjoni qed tinsisti li jkun hemm iktar minn xhud wieħed. Karol Aquilina qal li hu u Teherese Comodini Cacia m’għandhomx diffikultà jixhdu iżda l-Ministru Zammit Lewis jidher li għandu. Therese Comodini Cachia sostniet li l-Kumitat għandu jiddeċiedi llum li jkun hemm iktar xhieda.

L-Ispeaker qal li l-Kumitat għandu s-setgħa li jisma’ iktar xhieda iżda l-ewwel irid jisma’ lill-Kummissarju tat-Taxxa. Il-kumitat ivvota fuq il-proposta tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li jitressqu iktar xhieda fejn kien hemm żewġ voti favur u tnejn kontra. L-Ispeaker iddeċieda li għalissa jinstema’ biss il-Kummissarju tat-Taxxa u qal li f’dan l-istadju ma jaqbilx li ma jitniżlux l-ismijiet tax-xhieda.

Therese Comodini Cachia qalet li kienet se tivvota kontra mhux għax ma tridx tisma’ lill-Kummissarju tat-Taxxa iżda għaliex m’hemmx garanzija li l-kumitat jista’ jsejjaħ xhieda oħra.

Karol Aquilina qal li l-Oppożizzjoni trid garanzija li jinstemgħu ix-xhieda addizzjonali u li l-Kummissarju tat-Taxxa jitla’ jixhed malajr.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li d-deputati tal-Gvern jaqblu mal-pożizzjoni tal-Ispeaker bil-membri tal-Oppożizzjoni jivvotaw kontra. Karol Aquilina ppropona li l-Kummissarju tat-Taxxi Interni jitla’ jixhed għada filgħodu iżda l-Ispeaker qal li l-ewwel irid isir ix-xogħol fuq id-dokumentazzjoni li trid tinbgħat lill-Kummissarju tat-Taxxa.

Il-Kumitat kien aġġorant għal data oħra.