Lokali Qorti

Il-Qorti tordna li titneħħa stqarrija ta’ Andrew Mangion li ta lill-Pulizija dwar il-qtil tal-eks mara tiegħu

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħet it-talba ta’ Andrew Mangion u ordnat it-tneħħija tal-istqarrija li kien ta lill-Pulizija meta kien qed jiġi interrogat fuq il-qtil tal-eks mara tiegħu; Eleanor Mangion Walker, li nqatlet b’daqqiet f’rasha f’Lulju tal-2016.

Il-ġisem mejjet tal-eks-mara tiegħu kien instab ġo borża tal-plastik fi store li ma jintużax fi Triq l-Industrija f’Ħal Qormi fit-3 ta’ Lulju ta’ ħames snin ilu. Għal jumejn sħaħ, ir-raġel kien baqa’ maħrub qabel ta ruħu b’idejh lill-Pulizija fil-5 ta’ Lulju. Huwa kien inżamm fl-isptar Monte Karmeli minħabba l-kundizzjoni mentali tiegħu.

Mangion, li għandu 45 sena, qed ikun mixli li talab lill-eks mara, li hija wkoll omm bintu, biex tgħinu jġorr xi għamara mill-appartament tagħhom fis-Swieqi għal ġo garaxx ftit ‘il bogħod, fejn il-Prosekuzzjoni temmen li qatilha b’daqqiet ta’ oġġett tqil. Huwa qed ikun mixli wkoll li pprova jaħbi l-qtil, u qed jiffaċċja piena ta’ għomru l-ħabs.

Mill-awtopsja kien rriżulta li Eleanor Mangion Walker inqatlet b’daqqiet f’rasha b’oġġett iebes. Huwa mifhum li allegatament hi kienet trasportata minn garaxx fis-Swieqi għall-istore f’Ħal Qormi b’vann mill-akkużat. Allegatament ukoll, is-suspettat talab l-għajnuna ta’ qarib tiegħu biex jittrasporta l-ġisem tal-vittma, iżda dan irrifjuta u sussegwentament, irrapporta lill-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni kkonfermat li Mangion kien ingħata twissija u anki kellem lill-avukat tiegħu għal madwar siegħa qabel l-interrogazzjoni, iżda mhux fil-ħin tal-interogazzjonio. Skont il-liġi ta’ dak iż-żmien, huwa kellu l-ebda dritt li jikkonsulta ma’ Avukat qabel it-teħid tal-istqarrija, u ma kellux dritt li jkollu Avukat preżenti waqt ir-rilaxx tal-istqarrija. Imma reċentement il-liġi nbidlet.

Il-Qorti, qalet li l-istqarrija tal-akkużat, li skont il-prosekuzzjoni ġiet iffilmjata u maqsuma f’erba’ sessjonijiet, hija waħda voluminuża sew. Għalkemm l-akkużat Mangion mhux qed jammetti li qatel lil Eleonor Mangion Walker, hu xorta waħda b’dak li qal, hemm diversi drabi fejn qiegħed jinkrimina lilu nnifsu.

Il-Qorti qalet li din tista’ taħdem kontrih fil-proċeduri tal-Qorti, u għalhekk iddikjaratha inammissibli, flimkien ma’ partijiet mix-xhieda tiegħu li jagħmlu referenza għall-istess stqarrija. Il-Qorti qalet li f’xi waqtiet qegħdin iqisu li l-istqarrija ma għandhiex titħalla fil-proċess, filwaqt li f’xi waqtiet qegħdin iqisu li l-Qorti ma tistax ‘a priori’ tqis li stqarrija rilaxxata mingħajr ma persuna kellha dritt li jkollha Avukat preżenti bħala prova inammissibbli mingħajr ma jkun hemm provvediment fil-liġi li jeskludi tali prova. Il-Qorti tenniet li jeħtieġ li jkun hemm direzzjoni ċara u linji gwida sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.