Lokali

IL-QTIL TA’ CARUANA GALIZIA: L-Istat għandu jġorr ir-responsabbiltà għall-assassinju

Sens ta' impunità fil-kurituri ta' Kastilja, u kampanja ta' deumanizzazjoni

L-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia sabet lill-Istat responsabbli għall-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika ġie ppubblikat illum b’mod sħiħ, u fih aktar minn 430 paġna. Ix-xogħol fuq din l-Inkjesta kien ilu għaddej minn Diċembru 2019.

Fir-rapport jintqal li l-Istat ma ħax passi biex jevita l-qtil tal-ġurnalista wara li falla milli jirrikonoxxi r-riskji veri li kien hemm fuq ħajjitha. Tant hu hekk, li skont ir-rapport jingħad b’mod ċar li l-Pulizija kellhom obligu jagħtu l-protezzjoni. U l-Istat kellu jħares ħajjet il-ġurnalista.

Fost il-fatturi l-aktar xokkanti li joħorġu minn dan ir-rapport, hemm il-punt li jagħmel referenza għall-viċinanza li kien hemm bejn l-allegati eżekuturi tal-qtil ma’ persuni promminenti fl-amministrazzjoni pubblika. Fil-fatt, il-Bord irrimarka li min qatel lil Caruana Galizia serraħ moħħu mill-fatt li ma kienx se jinqabad propju minħabba din il-qrubija man-nies fil-poter.

L-inkjesta tmexxiet mill-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino, mill-eks Imħallef Michael Mallia u l-Imħallef Abigail Lofaro.

L-inkjesta tirrakomanda fost l-oħrajn li jinħoloq reat speċifiku għal persuni f’kariga pubblika li jfixklu jew jittantaw ifixklu lill-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom, u reat simili għal min jassoċja ruħu ma’ kriminalità fuq stil mafjuż.

Hu meħtieġ ukoll li titfassal liġi ġdida għal kontra persuni li jtellfu l-ġustizzja.

L-Inkjesta sabet provi ta’ rabtiet bejn nies fil-poter u nies involuti fin-negozju. Tant hu hekk, li proġetti maġġuri li saru mill-Gvern Laburista spiċċaw taħt l-iskrutinju tal-Awditur Ġenerali.

Ir-rapport jirreferi speċifikament għall-eks Chief of Staff Keith Schembri bħala l-persuna li kien kruċjali fil-ħolqien tar-rabtiet bejn il-Gvern u ċeri negozji.