Lokali

Imħallef tilqa’ talba ta’ raġel mixli li 33 sena ilu qatel lill-Baruni Sant Cassia

Milqugħa talba ta’ raġel akkużat bil-qtil tal-Baruni Sant Cassia biex l-istqarrijiet jitneħħew mill-provi. Mosti li llum għandu 66 sena u li għadu qed jistenna li jgħaddi ġuri dwar il-qtil tal-Baruni Frank Sant Cassia kellu talba milqugħa mill-Qorti biex l-istqarrijiet li huwa kien ta lill-Pulizija waqt l-interogazzjoni ma jiġux nklużi bħala provi. Dan għaliex dawn kienu ttieħdulu mingħajr il-preżenza ta’ avukat.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħet it-talba ta’ Carmelo Camilleri, li qed jiġi mixli li għal somma flus kien qatel lill-Baruni Frank Sant Cassia, li kellu 68 sena, quddiem ir-residenza tiegħu, Castello Zammitello fl-Imġarr, f’omiċidju deskritt bħala wieħed ippjanat. Il-qtil kien seħħ 33 sena, eżattament fis-27 ta’ Ottubru 1988.

Ir-residenza fejn sar il-qtil għada tintuża sal-lum bħala sala tat-tiġijiet. Il-każ baqa’ ma kienx solvut sakemm fl-2004 il-Pulizija rċeviet informazzjoni li kien Carmelo Camilleri li qatel lill-Baruni, f’xi ħin bejn l-4.30 p.m. u s-6.30 p.m. Minn ta l-informazzjoni lill-Pulizija kien qalilhom li Camilleri kien staħba wara ċint tas-sejjieħ faċċata tar-residenza u meta l-Baruni Sant Cassia ħareġ mid-dar tiegħu sparalu tir f’rasu bil-vittma jmut mill-ewwel fuq il-post.

Camilleri tressaq fil-Qorti mixli bil-qtil fit-8 ta’ April 2006 bl-avukat tiegħu, dak iż-żmien Anġlu Farrugia jitlob li Camilleri jiġi eżaminat minn psikjatra ħalli jara l-istat tiegħu qabel u wara l-arrest. Il-psikjatra Joseph Spiteri ikkonkluda li Camilleri ma kellu ebda “disturb mentali” waqt li l-psikjatra Joseph Vella Baldacchino ikkonkluda li l-akkużat kellu IQ baxx u għalhekk seta’ jitqies bħala persuna vulnerabbli.

L-Avukat Ġenerali kien oppona u ma qabilx li għax Camilleri għandu IQ baxx għandu jiġi meqjus bħala vulnerabbli. Wara li semgħet liż-żewġt partijiet l-Imħallef Scerri Herrera qalet li Camilleri huwa persuna vulnerabbli b’IQ baxx ta’ 50 li għandu wkoll ‘slight mental retardation’ u ‘single mindedness’.

Hija ddeċidiet li la l-istqarrijiet itteħdulu mingħajr avukat u l-ġuri għadu ma sarx l-istess stqarrijiet kellhom jitneħħew mill-provi tal-prosekuzzjoni. Camilleri qed jiffaċċa erba’ kapi ta’ akkuża relatat ma’ dan il-qtil. L-omiċidju, li bil-ħsieb li jwettaq delitt uża arma tan-nar, pusses ta’ arma tan-nar u li ġiet sparata f’post pubbliku.