Lokali

Joseph Muscat jibqa’ jattakka l-Inkjesta Pubblika

Attakk fuq l-Inkjesta Pubblika. Hekk ġiet deskritta l-ewwel reazzjoni li kellu l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat li t-tmexxija tiegħu ġiet ikkundannata mir-rapport tal-Bord ta’ Inkjesta Pubblika b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Joseph Muscat insista li filwaqt li l-Inkjesta wriet d-diżaprovazzjoni dwar il-ġudizzju politiku tiegħu wara l-Panama Papers, huwa għamel l-arja bl-elettorat u kważi kważi farfarha fuq il-poplu hekk kif sostna li fl-aħħar mill-aħħar kien huwa li ġġudikah.

Huwa ma rrikonoxxiex li taħt it-tmexxija tiegħu nħoloq stat ta’ impunità bħal ma qalet l-inkjesta, u żamm ir-riżervi tiegħu. Iżda filwaqt li qal dan kollu Muscat saħaq li jaċċetta l-konklużjonijiet imsemmija.

Joseph Muscat saħaq li huwa rreżenja minn Prim Ministru għax refa’ r-responsabbiltà tiegħu u ta’ ħaddieħor imsemmija f’din l-inkjesta u saħaq li l-prezz politiku diġà ħallsu.

Madanakollu bosta stqarrew li wara rapport bħal dan mhux qed jistennew paroli u priedki, iżda fatti konkreti u azzjonijiet sabiex dawk kollha li l-aġir tagħhom wassal b’mod dirett jew indirett għal assassinju brutali ta’ ġurnalista, jieħdu li ħaqqhom.

Dan sabiex f’pajjiżna verament issir ġustizzja – mingħajr ħadd ma jkun mingħalieh li se jistaħba wara subgħu.